52.6% tal-Maltin huma favur id-dritt tal-Ewtanasja filwaqt li 88% jemmnu li għandu jkun hawn dibattitu fuq livell nazzjonali dwar is-suġġett. Dan skont sħtarriġ tal-istatistiku Vincent Marmara li deher fuq is-sit The Journal.mt fl-ewwel ta’ Mejju.
Dan l-istħarriġ wera li l-maġġoranza tal-Maltin, b’52.6%, huma favur id-dritt li persuna b’marda terminali jew li tkun qed issofri ħafna, ittemm ħajjitha legalment.
26.7% ma jaqblux ma dan id-dritt filwaqt li 20.7% għadhom ma ħadux pożizzjoni.
L-istħarriġ juri wkoll maġġoranza favur l-Ewtanasja fost l-etajiet kollha ħlief dawk ta’ 66 sena jew aktar.
L-akbar maġġoranza favur dan id-dritt tinsab fost dawk ta’ bejn 26 u 35 sena, b’64.4% filwaqt t-tieni l-akbar maġġoranza hija fost dawk ta’ bejn 16 u 25 sena, b’61.4%.
Fost il-faxxa ta’ persuni li għandhom 66 sena jew aktar, 45.3% huma kontra l-Ewtanasja filwaqt 41.5% huma favur.
L-istatistika turi wkoll maġġoranzi fost dawk li vvutaw kemm lill-Partit Laburista fl-2017 u anke lill-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt, żewġ terzi jew 65.3% ta’ dawk li vvutaw lill Partit Laburista fl-2017 huma favur. 19.4% huma kontra filwaqt li 15.3% għadhom mhux deċiżi.
Fost dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-2017, hemm maġġoranza iċken favur l-Ewtanasja. 37.9% huma favur, filwaqt li 31.8% huma kontra. 30.3% għadhom mhux deċiżi fuq dan is-suġġett.
Ma’ The Journal.mt, l-Istatistiku rinomat sostna li fl-aħħar 10 snin bdiet toħroġ ċara x-xejra li l-pubbliku huwa iktar miftuħ favur id-drittijiet ta’ ħaddieħor.
L-istħarriġ madankollu juri li ħafna huma tal-opinjoni li m’hawnx biżżejjed informazzjoni fuq is-suġġett. 77.5% tal-parteċipanti fl-istħarriġ esprimew dan is-sentiment.
Lura f’Jannar li għadda l-Prim Ministru Robert Abela sostna diskussjoni pubblika fuq l-Ewtanasja hekk kif spjega li dan id-dibattitu ma setax jiġi injorat aktar.
Min-naħa l-oħra l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech pubblikament ħareġ kontra dan id-dritt.