Fi stħarriġ li kkummissjona l-Bank of Valletta, ħareġ li aktar ma’ jgħaddi ż-żmien aktar Maltin qed jagħżlu li jinvestu fi pjan privat għal pensjoni.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn ġew ippreżentati r-riżultati b’rabta ma’ dan l-istħarriġ fil-fatt ħareġ kif 32% investew f’dawn it-tip ta’ pjanijiet sabiex iżidu d-dħul tagħhom meta jaslu għall-età tal-irtirar.
B’rabta’ ma’ dawn il-pjani, in-nisa jagħżlu li jinvestu aktar mill-irġiel marġinalment. Dan hekk kif huma 22.6% tan-nisa li jagħżlu li jinvestu fi pjan privat għal pensjoni meta kkumparat ma’ 21% tal-irġiel.
Dwar dan u aktar tkellimna ma’ Daniel Abela li huwa l-Kap Eżekuttiv ta’ Marketing Advisory Services. Filwaqt li sostna kif kważi 30% ta’ dawk li wieġbu dan l-istħarriġ qalu li jixtiequ jibqgħu jaħdmu wara l-età tal-irtirar, elenka wkoll l-għażliet li qed jagħmlu l-Maltin sabiex iħaddmu flushom.
Qal, “Propjetà għadha u tibqa’ l-aktar ħaġa li n-nies iħarsu lejha. Issa dik tista’ tkun id-dar tagħhom personali jew inkella jinvestu fi propjetajiet oħrajn. Stocks tal-Gvern, bonds tal-Gvern, stocks oħrajn fis-suq imma infatti private retirement pension plan huwa t-top five vehicles li l-cohort kollu qed jikkunsidra bħala wieħed mill-għodod biex jissupplimenta l-pensjoni tiegħu.”
Abela rrimarka wkoll kif kważi 62% ta’ dawk li wieġbu dan l-istħarriġ jippreferu l-investiment lokali meta kkumparat ma’ 9.3% li jippreferu l-investiment barrani.
Ftit aktar minn 29% qalu li jippreferu jikkombinaw investimenti lokali u barranin.
Id-depożiti fil-banek jibqgħu l-aktar għodda li fuqhom dawk li wieġbu l-istħarriġ iserħu fuqhom għall-investiment bi 63%.
Intant, Mark Agius li huwa l-Kap tal-BOV Asset Management rrimarka l-motivazzjoni tal-bank li jwettaq dan it-tip ta’ stħarriġ.
Stqarr, “Survej bħal dan jgħin ħafna biex inkunu nafu l-livell ta’ kunfidenza għandu l-investitur Malti u evidenti kienet li għad hemm affinità għas-suq Malti. Interessanti kien ukoll il-fatt li l-investituri Maltin fejn jidħlu l-personal pension plans qed ikunu aktar.”