Stħarriġ ikkummisjonat mill-gazzetta It-Torċa juri li d-distakk bejn iż-żewġ mexxejja f’Malta huwa ta’ 29.8%. Dan ifisser li l-Prim Ministru Joseph Muscat qiegħed igawdi l-fiduċja ta’ 64% tal-popolazzjoni, mentri l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia huwa fdat minn 34.2%.
L-istess gazzetta tindika li l-istħarriġ wera li sena u erba’ xhur wara l-elezzjoni ġenerali, il-Partit Laburista żied l-appoġġ bi 3%, u li d-distakk bejn iż-żewġ partiti ewlenin huwa ta’ madwar 55,000 vot, li jfisser ta’ 17.7%.
L-istatistiku Vince Marmara saħaq li r-raġuni ewlenija għal dan id-distakk ta’ 55,000 vot huwa minħabba li ammont kbir ta’ votanti li vvutaw lill-Partit Nazjonalista fl-elezzjoni li għaddiet huma jew indeċiżi, jew inkella mhux lesti li jivvotaw lill-Partit Nazzjonalista. Indika wkoll li l-Partit Laburista qed iżomm kważi l-votanti kollha tiegħu li vvotawlu fl-2017.