L-Ewropa qed issegwi b’antiċipazzjoni kbira, hekk kif l-Amerikani llum qed jivvotaw dwar min jixtiequ President għall-erba’ snin li ġejjin. Stħarriġ, li għadu kemm sar, jindika li s-sentiment Ewropew hu dak li jippreferu lil Kamala Harris fuq Donald Trump u jinsabu mħassbin dwar il-futur kemm-il darba l-eks President Repubblikan jirritorna fil-White House.
Bħala l-eqdem u l-akbar demokrazija fid-dinja, il-President Amerikan għandu ammont ta’ influwenza fuq il-kontinent Ewropew.
It-taqtigħa bejn iż-żewġ kandidati ewlenin hi waħda ħarxa bejn il-kandidata tad-Demokratiċi, li wegħdet li tippromwovi l-alleanza trans-atlantika u li ma tittollerax dittaturi, u Trump li ddeskriva lill-President Ukren Volodymyr Zelensky bħala l-akbar salesman u qal li se jħeġġeġ lir-Russja taġixxi kontra pajjiżi li jonqsu milli jilħqu l-miri tan-NATO.
Għal ħafna mill-Ewropej minn seba’ pajjiżi, li ħadu sehem fl-istħarriġ ta’ YouGov, l-għażla hi waħda ovvja u taw preferenza assoluta lil Harris. Fost dawk li esprimew tali sentiment hemm ukoll partitarji tal-Mexxejja tal-lemin estrem fi Franza, Marine Le Pen.
Fi Brussell, iżda, jidher li s-sentiment hu wieħed kawt ħafna.
Il-prospett li Trump jerġa’ lura fil-White House jidher li ma jawgurax tajjeb għad-diplomatiċi fil-qalba tal-istituzzjonijiet Ewropej, li wisq jibżgħu li jagħlaq għajn waħda lejn l-attentati ta’ Putin biex ikompli jespandi, iżid it-tariffi bl-addoċċ fuq kull kwalità ta’ importazzjoni u għal darb’oħra jerġa jabbanduna il-Ftehim ta’ Pariġi u mhux biss.
L-Unjoni Ewropea tiddependi mis-sostenn tal-Istati Uniti u l-ħsieb li dan jista’ jiġi rtirat hu biżżejjed biex jibda l-paniku fl-Ewropa.
Von der Leyen temmen bi sħiħ li għandu jkun hemm rabtiet bejn l-UE u l-Istati Uniti u diġà ppreżentat proġetti ambizzjużi għat-tieni mandat tagħha, li analisti jqisu li jistgħu jisfumaw fix-xejn bit-tmexxija ta’ Trump.