Sena wara l-Elezzjoni Ġenerali, il-Prim Ministru Robert Abela huwa fdat 18.5% aktar mill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
Jixhed dan stħarriġ mill-istatistiku Dr.Vincent Marmarà u li kien ikkummissjonat mill-gazzetta It-Torċa.
Dan hu stħarriġ li sar fl-eqqel tal-kontroversja politika fuq quddiem nett il-kwistjoni tal-isptarijiet u simili ta’ dak ippubblikat il-Ħadd filgħodu minn Marmara, hemm ukoll stħarriġ fit-Times of Malta.
L-istħarriġ tat-TORĊA juri li l-Prim Ministru jgawdi 45.2% tal-appoġġ tal-elettorat filwaqt li Bernard Grech għandu appoġġ ta’ 26.7%. Filwaqt li t-Times of Malta tkejjel il-fiduċja b’mod differenti, xorta waħda turi li Robert Abela huwa fdat iktar minn Bernard Grech.
L-istħarriġ ta’ Dr Marmarà, jagħti ħarsa wkoll lejn id-distakk bejn iż-żewġ partit politiċi ewlenin f’pajjiżna.
Fil-fatt, fl-istħarriġ li sar bejn is-16 u l-24 ta’ Marzu, jirriżulta distakk ta’ 9.7% favur il-Partit Laburista, hekk kif dan kiseb il-fiduċja ta’ 53.3% tal-elettorat. Minn naħa l-oħra il-Partit Nazzjonalista kiseb 43.6% tal-fiduċja.
It-Times of Malta tgħid li kieku ssir elezzjoni għada l-Partit Laburista jikseb 51.6% u l-Partit Nazzjonalista 42.9%. Differenza ta’ 8.7%.
Iż-żewġ stħarriġ juru wkoll li m’hemmx dawk li jissejħu ‘shifts’ bejn il-partiti politiċi u filwaqt li sena biss wara elezzjoni u f’mumenti ta’ sfida hemm dawk li jgħidu li qed jaħsbuha jivvotawx, m’hemmx ċaqliq mill-Partit Laburista għall-Partit Nazzjonalista.
L-analiżi taż-żewġ gazzetti tgħid li d-distakk jilgħab bejn it-23,000 u t-29,000 vot dipendenti fuq it-turnout.
Iż-żewġ stħarriġ juru wkoll li filwaqt li Robert Abela jgawdi fiduċja b’saħħitha fost l-elettorat li jivvota l-partit tiegħu, fil-Partit Nazzjonalista hemm ċertu xettiċiżmu dwar il-Kap Bernard Grech bit-Times of Malta tgħid li Roberta Metsola u Adrian Delia jaf ikunu preferuti minnu biex imexxu l-Partit Nazzjonalista. Kuntrast ma’ Robert Abela li kompla jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fost il-partitarji tal-Partit Laburista.