Sebgħin fil-mija tal-investituri barranin f’pajjiżna qed jgħidu li, fl-għaxar snin li ġejjin, qed jaraw li jżommu l-preżenza tagħhom fostna permezz tal-kumpaniji tagħhom.
Dan joħroġ mill-aħħar stħarriġ tal-kumpanija Ernst & Young. Stħarriġ li jsir kull sena fost numru ta’ investituri barranin biex jitkejjel kemm pajjiżna kapaċi jattira investiment lejh.
Fil-fatt, waqt li 70% tal-investituri jgħidu li jridu jibqgħu b’operat f’pajjiżna sal-2034, huma biss 10% li qed jgħidu bil-maqlub.
Meta wieħed iqabbel mal-2013, sal-aħħar Gvern Nazzjonalista, pajjiżna rreġistra żieda ta’ 7% u anke żieda fuq sena ilu.
Sadanittant, f’dak li għandu x’jaqsam l-investiment dirett barrani, skont l-istħarriġ tal-EY, pajjiżna hu attraenti b’54%, waqt li 25% qalu li pajjiżna għadu mhux attraenti biżżejjed għall-pjani tagħhom ta’ investiment, b’dan il-persentaġġ jonqos ukoll bi 3% fuq is-sena ta’ qabel.
Madankollu, f’setturi fejn hemm bżonn inqas ħaddiema biex joperaw, bħal dak tat-teknoloġija, pajjiżna rnexxielu jirreġistra żieda akbar fil-prospetti tiegħu li jattira tali investiment, b’63%.
Fil-fatt, 17% tal-investituri, li ħadu sehem fl-istħarriġ, wieġbu li Malta llum hi ferm aktar attraenti għal dan it-tip ta’ negozju minn għadd ta’ pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropea.
50.7% tal-investituri qalu wkoll li jridu aktar tkabbir, madankollu wieħed fejn titjieb il-kwalità.
L-aktar kriterji li l-investituri rrimarkaw li huma attraenti għal aktar tkabbir f’pajjiżna huma s-sistema ta’ taxxa korporattiva, l-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni u l-istabbiltà soċjali.
L-istħarriġ tal-EY wera wkoll li l-investituri qed jipprijoritizzaw iż-żieda fil-pagi u l-kumpens.
Fil-fatt, meta kienu mistoqsijin dwar l-azzjonijiet u l-miżuri riċenti li ħadu, maġġoranza ta’ 49% tal-investituri sostnew li żiedu l-kumpens, waqt li 45% sostnew li ngaġġaw aktar persuni fin-negozju tagħhom.