Abbord bastiment tas-sajd, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, Alicia Buegja Said, ħabbret it-tlestija ta’ stħarriġ xjentifiku fl-ibħra Maltin.
Dan l-istħarriġ, ikkummisjonat mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura, sar bl-iskop ta’ aktar għarfien dwar ħut żgħir, bħall-gambli.
Din l-informazzjoni se tintuża fuq bażi lokali u internazzjonali għal sajd aktar sostenibbli.
Dan l-istħarriġ jagħmel parti mill-Mediterranean International Trawl Survey u l-Mediterranean International Acoustic Survey, li jwettqu riċerka b’rabta ma’ diversi aspetti bijoloġiċi u soċjo-ekonomiċi tas-sajd.
Fuq medda ta’ tliet ġimgħat tal-istħarriġ, id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura, għamel użu minn bastiment tas-sajd, attrezzat b’apparat tal-aħħar teknoloġija.
Min-naħa tiegħu, l-Uffiċjal Kap Xjentifiku fid-Dipartiment tas-Sajd, Dr Jurgen Mifsud, spjega li din is-sena l-programm ta’ ħidma ffoka fuq it-teħid ta’ kampjuni minn 45 post differenti f’diversi żoni marittimi madwar il-pajjiż.
Qal, “Ħa nkunu nistgħu, bħala Dipartiment, inressqu emendi importanti għall-pjani maniġerjali li hemm fis-seħħ u, allura, inwasslu għal aktar sostenibilità fis-settur tas-sajd.”
Is-Segretarju Parlamentari, Bugeja Said, saħqet li proġetti bħal dawn jgħinu biex nifhmu aktar is-sostenibbiltà tal-abbundanza, is-saħħa u l-ispeċi differenti ta’ ħut u ħlejjaq oħra fil-Mediterran.
Qal, “Tgħinna wkoll f’fora Ewropej, bħalma hi l-GFCM, u l-Kummissjoni Ewropea, biex aħna bħala Gvern inressqu proposti, għas-sostenibilità tal-istokk, u fl-istess ħin inkunu nistgħu anke nagħmlu punti validissimi permezz ta’ pariri xjentifiċi, biex dejjem inġibu l-aqwa pakketti għas-sajjieda tagħna, fejn jidħlu management plans.”