Dalgħodu kienu ppubblikati żewġ stħarriġ tal-opinjoni pubblika, wieħed fit-Times of Malta u l-ieħor fil-Maltatoday u ż-żewġ riżultati huma diverġenti. Anzi huma differenti ħafna minn xulxin.
Filwaqt li t-Times of Malta tagħti rebħa lill-Partit Laburista b’vantaġġ ta’ 18,000, il-Maltatoday tgħid li l-Partit Nazzjonalista qiegħed minn fuq.
Mhux magħruf x’wassal biex surveys li saru fl-istess perjodu jagħtu riżultat tant differenti minn xulxin.
Konsistenti fiż-żewġ surveys hemm il-fiduċja f’Abela li hi bil-bosta ikbar minn dik f’Bernard Grech, tant li l-Maltatoday tgħid li Robert Abela reġa’ żied il-fiduċja fost l-elettorat. Fil-fatt, il-Maltatoday tgħid li hemm differenza ta’ 12.4% bejn il-mexxejja. Dan ifisser li skont il-Maltatoday Robert Abela jibqa’ popolari iktar mill-partiti politiċi.
Waħda mill-ftit affarijiet konsistenti wkoll fiż-żewġ stħarriġ li Bernard Grech mhux jirnexxielu jżid il-fiduċja anke fl-iktar ġimgħat ta’ kontroversja fejn bħala Kap tal-Oppożizzjoni suppost iktar f’pożizzjoni ferm aħjar. U l-Partit Nazzjonalista jinsab b’pożizzjoni staġnata, b’hekk anke l-elettorat li forsi fil-mument tal-istħarriġ kien diżappuntat jibqa’ jħares lejn il-Partit Laburista biex jagħtih is-soluzzjonijiet.