Steward Healthcare Malta ssottomettiet applikazzjoni lill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex tibda t-triq li tiżviluppa l-Isptar San Luqa.
Fi stqarrija, il-kumpanija qalet li l-isptar se jkun riġenerat mill-istat preżenti għal kampus tas-saħħa modern.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Steward Healthcare f’Malta Dr Nadine Delicata qalet bl-isptar riġenerat hemm l-għan li jilqa’ l-bżonnijiet kliniċi tal-pazjenti. Dan filwaqt li jtejjeb l-esperjenza mhux biss għall-pazjenti iżda anke għall-familji tagħhom.
Qalet kif “Kampus ġdid, kampus modern li jpoġġi l-pazjent u l-bżonnijiet tiegħu fiċ-ċentru tad-diżinn tal-pjanti biex nipprovdu ambjent mgħammar bl-aħjar tagħmir li jtejjeb l-esperjenza tal-pazjenti u l-qraba kif ukoll biex jgħin l-istaff biex joffri l-aħjar servizz l-aqwa kwalita possibbli.”
Dr Delicata fissret kif ir-riġenerazzjoni tal-isptar se tirrispetta l-fatt li l-binja hija protetta, madanakollu ma eskludietx li ma’ dawn jkun hemm kostruzzjoni ta’ partijiet ġodda sabiex jikkumplimentaw il-proġett.
Bħala parti mill-proġett se tiżdied il-kwalità u l-aċċessibbiltà għall-ispazju miftuħ u l-ġonna ġewwa l-isptar, filwaqt li d-daħla ewlenija u l-pjazza ta’ quddiem l-isptar se jkunu integrati flimkien.
Il-proġett se jara wkoll li jkun hemm spazju adegwat għall-parkeġġ.
Din l-aħbar hija t-tieni tragward li laħqet il-kumpanija bbażata fl-Amerika. Fil-fatt fl-aħħar ġimgħat inawgurat u bdiet tuża binja ġdida biswit l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex bħala l-iskola medika ta’ Barts fil-gżira Għawdxija.
Il-permess li għalih applikat Steward Healthcare huwa intiż li jistabilixxi jekk l-iżvilupp jilqax ir-rekwiżiti tal-Awtorità tal-Ippjanar. Il-kumpanija imbagħad trid tissottometti applikazzjoni oħra sabiex tkun tista’ tibda bix-xogħlijiet.