Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ddikjara li Steward Healthcare trid tobdi u tonora l-kundizzjonijiet kollha li hija marbuta bihom.
F’attività politika fiċ-Ċentru Laburista fin-Naxxar, f’sala ppakkjata bin-nies, Dr. Abela qal li dan huwa Gvern li ma jibżax jieħu d-deċiżjonijiet.
Għaldaqstant, ftit tal-ġimgħat wara li twaqqaf kumitat biex janalizza l-kuntratt tal-konċessjoni tal-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, lil Steward Healthcare, din il-ġimgħa ttieħdet l-ewwel deċiżjoni.
L-ewwel deċiżjoni li ħadna din il-ġimgħa kienet deċiżjoni li jiena nemmen turi s-serjeta ta’ dan il-Gvern. L-ewwel deċiżjoni li ħadna kienet li Steward minn naħa tagħhom iridu jonoraw, iridu jobdu u jimxu mal-kundizzjonijiet kollha li bihom huma marbutin.
Il-Prim Ministru qal li mingħajr ħafna għajjat, qed jibqgħu jittieħdu l-aqwa deċiżjonijiet favur is-saħħa tal-pazjenti.
Dr. Abela rrefera wkoll għas-sitwazzjoni tal-bdiewa u r-residenti tal-Magħtab. Qal li l-Gvern sema’ l-karba tal-bdiewa u se jkun qed jaħdem biex tinstab soluzzjoni aċċettabli għall-partijiet kollha involuti.
Ma waqafniex li dħalna fl-impjant. Ma waqafniex li rkibna flimkien mal-bdiewa fil-vetturi u l-għelieqi tagħhom. Għada filgħodu ġurnata se tiżbaħ billi stedint lill-bdiewa li jiġu għandna u nkomplu nitkellmu u jekk hemm bżonn nerġgħu mmorru aħna għandhom sakemm nilħqu soluzzjoni li tkun waħda aċċettabbli għal kulħadd.
Il-Prim Ministru sostna li l-ambjent mhux se jkun il-ħaruf tas-sagrifiċċju għall-iżvilupp, iżda b’sens ta’ bilanċ, l-investituri se jingħataw l-opportunitajiet kollha.
Dwar l-ekonomija Maltija, il-Prim Ministru semma konferma oħra li kellu pajjiżna ftit tal-jiem ilu.
Qaluha ċifri li ħarġu din il-ġimgħa, b’saħħitha ħafna. Għandna tkabbir ekonomiku li huwa għal diversi iżjed milli għandna fiż-żona ewro. Dik hija xi ħaġa li timlina b’kuraġġ. Ekonomija b’saħħitha b’mod konsistenti.
Il-Mexxej Laburista stqarr kif inutli nitkellmu fuq ċifri jekk ma jissarfux fit-tqassim tal-ġid għas-saffi kollha tas-soċjetá, u għalhekk qal li qed iħares ’il quddiem għal aktar ħidma biex titwettaq il-viżjoni tal-Gvern, fl-interess taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Dan huwa l-proġett tagħkhom, dan huwa l-proġett tagħna. Dan huwa l-proġett ta’ Partit maqgħud, ta’ Partit iffukat, Partit li għandu viżjoni ċara, Partit li jaf fejn sejjer, Partit li jaf li d-direzzjoni għal dan il-pajjiż hija l-quddiem, hija l-fuq. Ejjew ħalli flimkien inkomplu naħdmu. Ibqgħu appoġġjawna, ibqgħu magħna, ibqgħu warajna, ibqgħu quddiema ħalli flimkien inkomplu nżommu dan il-partit rebbieħ, pajjiż rebbieħ, għall-interess tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.