Il-kumpanija Steward Malta ċaħdet kategorikament storja ppubblikata f’The Times of Malta li allegat li waqaf ix-xogħol fuq l-isptar il-ġdid f’Għawdex.
Fi stqarrija skjetta, Steward qalet li kontra ta’ dak irrapportat, il-kumpanija tinsab impenjata li tonora l-obbligazzjonijiet tagħha fil-konċessjoni mogħoli mill-Gvern.
Il-kumpanija nnotat li f’seba’ xhur mindu ħadet f’idejha l-proġett tat prijorità assoluta biex jitlesta l-bini tal-iskola medika ta’ Barts.
Fakkret kif iffinalizzat id-disinn u l-bini taċ-ċentru tal-anatomija li issa għadda lill-Barts. Fl-istess waqt qalet li tlesta l-bini tal-iskola medika u x-xogħol miexi b’mod tajjeb.
Steward Malta fakkret kif l-għan tagħha hu li tibni faċilitajiet li jkopru l-bżonnijiet tal-popolazzjoni u li toffri stparijiet tal-ogħla kwalità lill-ġenerazzjonijiet futuri.
Spjegat li bħal kull proġett maġġuri ieħor, il-fażi tal-ippjanar kienet l-aktar waħda kritika, u għalhekk, Steward u l-Gvern qablu biex ikun stabbilit terminu ta’ żmien ġdid biex jipprometti żvilupp xieraq tal-pjani kollha.
Mistoqsi dwar l-istorja f’The Times, il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li Steward ikkonfermaw l-impenn tagħhom f’dan il-proġett:
“Assolutament mhux minnu. Steward Healthcare informat li dalgħodu ħarġu stqarrija jiċħdu din l-istorja, jien żorthom ftit tal-ġimgħat ilu f’Boston, u hemm impenn sħiħ mill-ogħla uffiċjali. L-ammont ta’ fondi li qed jonfqu f’Malta huwa konsiderevoli, u dalgħodu stess ikkonfermawlna l-impenn totali taghhom”.
Fl-istqarrija tagħha Steward Malta qalet li tibqa’ kommessa li tonora l-obbligazzjonijiet kollha tagħha skont kif miftiehem.