“Fil-Parlament Ewropew għandna bżonn nies ta’ kwalità, laburisti ta’ vera u persuni li jħobbu lil pajjiżna. Nemmen li dawk huma l-valuri li għandu Steve Ellul u għalhekk nixtieq li Steve ikun parti mit-team tagħna ta’ MEPs”.
Dan huwa l-kliem tal-Viċi President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew u l-ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba waqt l-aħħar attività tal-kandidat Steve Ellul f’din il-kampanja elettorali.
Agius Saliba fisser lil Steve Ellul bħala kandidat eċċellenti tal-Partit Laburista. Fakkar kif, sa mill-ewwel darba li ltaqa miegħu, ammira fi Steve il-preparazzjoni tiegħu kif ukoll il-mod kalm iżda persważiv li bih iwassal il-messaġġ.
L-ewroparlamentari Laburista saħaq li Steve Ellul diġa pprova lilu nnifsu meta ġie fdat bir-responsabilita ta’ waħda mill-iktar entitajiet importanti tal-Gvern. Meta ħaddieħor kien xettiku fuq it-twettiq ta’ proġetti ambjentali fl-ibliet u rħula, Steve irnexxilu jikseb ir-riżultati.
Għalhekk nemmen li Steve huwa asset important ħafna fit-team tal-Partit Labursita, sostna Alex Agius Saliba.
L-ewroparlamentari Laburista qal li l-aqwa arma kontra l-mibgħeda hija vot favur Steve u l- l-Partit Laburista biex fil-Parlament Ewropew jerġa jkollna erba rappreżentanti li qatt u fl-ebda ħin ma jagħtu gambetti lil pajjiżna.
“Jien u sieħbi Steve se nibqgħu naħdmu kull minuta, kull sekonda, sal-aħħar ġurnata, biex nibqgħu nikkonvinċu iktar u iktar nies. Il-prinċipji li għandi jien u li għandu sieħbi Steve huma dawk li tawna missirijietna. L-għajta ta’ Malta l-ewwel u qabel kollox li tgħaqqadna flimkien”, qal Alex Agius Saliba.
L-ewroparlamentari Laburista temm jgħid li l-folla kbira wara Steve Ellul turi kemm kien viċin in-nies, kemm ħadem u kemm ħaqqu jkun parti mit-team ta’ ewroparlamentari f’isem il-Partit Laburista.
Minn naħa tiegħu, l-kandidat Laburista Steve Ellul esprima l-apprezzament tiegħu għad-diskors ta’ Alex Agius Saliba u qal li b’din l-għaqda nistgħu nagħmlu ġid kbir lin-nazzjon tagħna.
Inkunu fejn inkunu, u nkunu ma’ min inkunu, dejjem se nġibu lil Malta u l-Maltin l-ewwel u qabel kollox. Għax aħna differenti, qal Steve Ellul, il-karriera personali tagħna ma tiġi qatt qabel in-nies u l-pajjiż.
“Irrid li t-tfal kollha tagħna jkunu aħjar minna. Hija dik ix-xewqa li mbuttatni biex nagħmel din il-kampanja pożittiva magħkom u fostkom”, temm jgħid il-kandidat Laburista Steve Ellul.