Is-Sur Steve Libreri ġie maħtur bħala Kummissarju għall-Ħarsien u l-Iżvilupp tal-Priġunieri.
Ħabbar dan il-Gvern fi stqarrija hekk kif spjegat li l-ħatra tiegħu saret mill-President ta’ Malta George Vella, fuq rakkomandazzjoni tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, wara deċiżjoni mill-Kabinett.
Is-Sur Libreri ġej minn snin twal t’esperjenza fis-settur soċjali. Għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena, hu okkupa karigi varji f’diversi oqsma tas-settur pubbliku li għandhom x’jaqsmu mas-soċjal. Fl-aħħar snin huwa serva ta’ Kap Ewlieni tad-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal.
Hu gradwa fl-2008 mill-Università ta’ Malta b’Baċellerat fil-Ħidma Soċjali u eventwalment kompla jispeċjalizza f’xogħol forensiku mal-minorenni. Is-Sur Libreri gradwat ukoll b’Masters fl-Immaniġġjar u r-Riżorsi Umani mill-Università ta’ Leicester.
Il-Ministru Byron Camilleri feraħ lil Steve Libreri għal din il-kariga ġdida fdata lilu u awguralu li fil-faċilitajiet korrettivi tissokta l-ħidma rijabilitattiva, filwaqt li l-ħabs jibqa’ post ta’ ordni u sigurtà. L-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien u l-Iżvilupp tal-Priġunieri għandu jkompli jiġi msaħħaħ fuq il-ħidma mibdija, filwaqt li jsegwi l-iżvilupp kontinwu li hemm għaddej fl-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi. Il-Ministru Camilleri temm billi rringrazzja mill-ġdid s-Sur Mauro Farrugia, għas-servizz li ta kemm fl-irwol ta’ Kummissarju preċedenti, kif ukoll fis-setturi l-oħra li serva fihom fl-oqsma tas-sigurtà.