Pajjiżna jrid isaħħaħ l-investiment fil-ħiliet ġodda biex il-ħaddiema tagħna jmexxu karrieri ta’ kwalità f’industriji aktar kompettitivi li joffru pagi aħjar u valur miżjud. B’hekk ikun aċċellerat t-tiġdid tal-ekonomija Maltija għal waħda aktar moderna, diġitali u ambjentali.
B’dan it-twemmin, il-kandidat Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Steve Ellul qed iżomm kuntatt regolari man-negozji u l-ħaddiema li ma jistgħux jgħixu mingħajr xulxin u huma parti minn koalizzjoni waħda.
Waqt żjara għand Farsons Group, Steve Ellul iltaqa’ mat-tmexxija u l-ħaddiema li, fost oħrajn, jipproduċu birer u xorb ieħor lokali u internazzjonali.
Hawn, il-kandidat Laburista seta’ jara l-importanza li tagħti l-kumpanija għat-taħriġ tal-ħaddiema li ħafna minnhom ilhom jaħdmu hemm għal għexieren ta’ snin.
Fi żjara separata għand Dino Fino, li tispeċjalizza fl-industrija tal-għamara, Steve Ellul seta’ japprezza l-importanza tas-snajja’ f’dawn it-tip ta’ negozji. Semma l-bżonn li pajjiżna jinvesti aktar fl-apprentistat biex jipprovdi lill-istudenti b’aktar esperjenza prattika.
Hu qal li negozji tal-familja qed jagħmlu d-differenza u jservu bħala mutur ekonomiku ta’ pajjiżna. Għalhekk jeħtieġ li nkomplu ntuhom l-appoġġ kollu meħtieġ anke permezz tal-fondi Ewropej.
Dwar din il-ħidma man-negozji u l-ħaddiema, Ellul qal li hu importanti li l-pajjiż ikollu rappreżentanti li jkunu kapaċi jitkellmu ma’ kulħadd.
Qal, “F’dan il-pajjiż importanti li nkomplu nkunu kapaċi nitkellmu ma’ kulħadd, mal-ħaddiema u ma’ min jirrappreżenta lin-negozji f’pajjiżna. Hekk biss l-ekonomija tagħna tista’ tkompli tiġġedded. U fis-snin li ġejjin se jkollna tiġdid importanti, li se jara ekonomija li se tkompli tikber u toħloq il-ġid, imma fuq kollox kwalità ta’ ħajja aħjar lill-ħaddiema tagħna. Li jfisser karrieri aktar ta’ kwalità u pagi aktar aħjar.”
Sadanittant, Steve Ellul kompla għaddej bi proċess ta’ djalogu mal-imsieħba soċjali, fosthom dawk li jirrappreżentaw lil min iħaddem.
F’laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ, ġie diskuss kif għandna nkunu proattivi fil-Parlament Ewropew biex nantiċipaw il-liġijiet u ninnegozjaw dwarhom b’mod konvinċenti fil-kumitati rispettivi.
F’laqgħa separata mal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, Ellul qasam l-ideat dwar kif se naħdmu biex fl-Ewropa jkollna liġijiet li jagħmlu sens għal Malta u għall-iżgħar negozji f’Malta. Il-Kap Eżekuttiv Abigail Mamo qalet li Steve Ellul ġenwinament jinteressah mill-bżonnijiet tas-settur privat u dejjem sabu spalla ta’ appoġġ minnu.