“In-nies iridu jivvutaw għas-sitt MEPs li se jiġbdu ħabel wieħed lejn pajjiżna. Aħna tal-Partit Laburista żgur li nkunu fejn inkunu u nkunu ma’ min inkunu, dejjem se naħdmu għal progress f’Malta u għal paċi fl-Ewropa”.
Qal dan il-Kandidat Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Steve Ellul waqt dibattitu televiżiv fuq l-istazzjon nazzjonali.
Steve Ellul tkellem dwar il-bżonn ta’ politika tal-kontenut li toffri s-soluzzjonijiet għall-isfidi tan-nies. Spjega li l-familji li jiltaqa’ magħhom kuljum ikellmuh fuq l-effetti pożittivi li qed iħallu ż-żieda fil-pensjonijiet, ir-roħs fil-prezz tal-prodotti essenzjali u l-istabbilita fil-kontijiet tad-dawl. Il-Partit Laburista huwa l-unika garanzija li pajjiżna jkompli miexi f’din id-direzzjoni ġusta.
Mistoqsi dwar l-ambjent, Ellul fakkar kif Gvern Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi, li llum għadhom isejħulu l-Prim Ministru tagħhom, kien iffirma biex art daqs is-Siġġiewi tingħata għall-iżvilupp. Illum Gvern Laburista qed jikkoreġi dawk l-iżbalji.
Kif sar f’Ħondoq ir-Rummien li fl-2006 ingħata għall-iżvilupp u kellu jkun dan il-Gvern li jagħti protezzjoni assoluta lil dan is-sit. L-istess f’Malta fejn artijiet li kienu ngħataw għall-iżvilupp bħal f’Ta Ġiorni, Ħal Luqa, Ħal Lija u Ħal Kirkop qed jingħataw lura lin-nies fi spazji miftuħa.
Dawn huma soluzzjonijiet tanġibbli li n-nies qed jaraw b’għajnejhom, qal Steve Ellul.
Il-kandidat Laburista qal li jrid ikompli jmexxi politika mingħajr battibekki u tgħajjir. Saħaq li jiddespjaċih jara lil David Casa jiddikjara gwerra qaddisa fuq il-Laburisti.
Ellul insista li l-kandidati nazzjonalisti jinsabu f’kompetizzjoni bejniethom ta’ min se jagħmel l-iktar ħsara. Peter Agius irid li jinqatgħu l-fondi Ewropej ta’ pajjiżna filwaqt li David Agius lest jibgħat lil uliedna għal gwerra ta’ ħaddieħor.
Steve Ellul qal li dik tat-8 ta’ Ġunju hija elezzjoni importanti biex il-poplu jkollu rappreżentanti li li jkomplu jindirizzaw sfidi li ħaddieħor kien qata qalbu minnhom.
“Magħna n-nies jafu fejn qegħdin. Aħna ħa nxejru l-bandiera Maltija dejjem u kullimkien”, temm jgħid il-Kandidat Laburista.