Malta Pajjiżna. Din hi t-tema ewlenija tal-kampanja tal-kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista, Steve Ellul. Hu nieda din il-kampanja tiegħu fi Pjazza Carlo Diacono fiż-Żejtun.
Ellul saħaq li pajjiżna jixraqlu aħjar u għandu jkollu Membri Parlamentari Ewropej, li verament jiġġieldu għall-benefiċċji ta’ pajjiżna.
Il-kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew qal li hu jemmen li wasal iż-żmien li ma nikkuntentawx ruħna b’dak li għandna u li, jekk naħdmu flimkien, inkunu nistgħu nagħmlu l-pass li jmiss – dak li nibnu futur aħjar fuq is-suċċessi tal-lum.
Fl-intervent tiegħu, Steve Ellul qal li ‘Malta Pajjiżna’ hi l-għira ta’ ħafna u li pajjiżna għada jista’ jkun mudell għall-Ewropa kollha.
Stqarr, “Aħna nemmnu li biex taħdem għal pajjiżek anke fl-istituzzjonijiet Ewropej l-ewwel trid tkun tħobbu. Għalhekk qed nagħmlu kampanja pożittiva ħafna mimlija enerġija fejn qed nħeġġu lil kulħadd, lil kull min għandu għal qalbu dan il-pajjiż biex jingħaqad magħna. Ħadna pjaċir ilbieraħ fil-mument tal-launch ta’ din il-kampanja ħafna Maltin u Għawdxin jingħaqdu magħna fuq dan il-pass.”
Steve Ellul spjega li l-politika fuq livell Ewropew, fid-dawl ta’ dak li qed jiġri madwarna, hu turija ta’ kemm huwa importanti li kulħadd jivvota.
Semma l-kisbiet ta’ Malta fl-Ewropa, li wasslu għal Ewropa aktar nadifa, grazzi għall-ħidma ta’ membri Ewropej Maltin.
Waqt it-tnedija, għamlu ukoll l-interventi tagħhom diversi personalitajiet li spjegaw li Ellul hu persuna li jemmen ferm f’pajjiżna, fil-kisbiet tiegħu u fil-potenzjal tiegħu, u għalhekk hu l-pass naturali ta’ Ellul li jkun kandidat għal dawn l-elezzjonijiet.