Id-difensur internazzjonali Malti Steve Borg huwa r-rebbieħ tal-unur tal-plejer tas-sena tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol. Dan ħabbrietu l-istess assoċjazzjoni kmieni wara nofsinhar.
Borg spikka matul l-istaġun 2019/2020 bil-flok ta’ Valletta FC u kien għalhekk li dawk eleġibli jivvutaw għażlu lill-plejer li issa ingħaqad ma’ Gzira United F.C.
Eleġibli jivvutaw kien hemm kowċis u captains tat-timijiet mill-Kampjonat Premier flimkien ma’ diversi uffiċjali u ġurnalisti li jsegwu l-stess Kampjonat.
Iż-żewġ finalisti l-oħra kienu l-captain taċ-ċampjins Floriana FC Jurgen Pisani u l-goalkeeper ta’ Valletta Football Club Henry Bonello.
Jan Busuttil rebaħ l-unur tal-Best Young Player filwaqt li kowċ ta’ Floriana FC Enzo Potenza ġie ivvuttat bħala l-aħjar kowċ tas-sena.
L-unur tal-aqwa plejer barranin intrebaħ mill-aqwa skorer tal-Kampjonat Kristian Keqi.
Illum wara nofsinhar ukoll l-MFA ħabbret ukoll ir-rebbieħa tal-unuri kollha tad-Diviżjonijiet inferjuri.
L-unur tal-aħjar plejer tal-Ewwel Diviżjoni intrebaħ minn Erjon Beu ta’ Lija Athletic F.C. filwaqt li l-aħjar plejer tat-Tieni Diviżjoni intrebaħ minn Ryan Micallef ta’ Marsaxlokk FC.
Nicholas Schembri rebaħ l-unur tal-aqwa plejer tat-Tielet Diviżjoni filwaqt li Haley Bugeja rebħet l-unur tal-aqwa plejer femminili kif ukoll l-aqwa plejer ta’ taħt il-19 il-sena.
Zak Grech rebaħ l-Best Young Player filwaqt li Celino Alves rebaħ l-unur tal-aqwa plejer tal-Futsal.