Wara li għamlet operazzjoni ċesarja b’emerġenza, Victoria Vigo saret taf li ġiet sterilizzata anke jekk fl-ebda mument ma tat il-kunsens għal dan. Bħal bosta oħra li kellhom jgħaddu minn din it-trawma, hi qed titlob li ssir ġustizzja.
“Jien xtaqt li jkolli iktar tfal, iżda dik l-għażla ttieħditli mingħajr il-permess tiegħi – dik kienet deċiżjoni tiegħi u mhux ta ħaddieħor,” qalet dan Victoria.
Kien lura f’April tal-1996 li l-omm ta’ tnejn, Victoria Vigo, kienet qed tgħix f’Piura fil-Peru.
“Kelli 32 ġimgħa tqala u ma kontx qed inħossni sew, u mort nara lit-tabib. Bagħatni l-isptar fejn spiċċajt involuta f’inċident u ħaduni l-emerġenza. Wara ddeċidew li l-aħjar għażla tkun li jagħmlu ċesarja b’emerġenza,” qalet Victoria.
It-tarbija twieldet bi problemi bin-nifs u sfortunatament ftit wara miet.
Minn hemm wieħed mit-tobba qalilha “Għadek żgħira, tantx tinkwieta. Issa jilħaq ikollok iktar tfal.” Iżda ftit wara, Victoria, li għandha 32 sena, semgħet tabib ieħor jgħidlu “le ta’ ma jistax ikollha iktar tfal. Sterilizzajniha…”
Vigo hi waħda fost it-300,000 persuna li ġew sterilizzati kontra r-rieda tagħhom fil-Peru bejn l-1996 u l-2000, wara li l-President ta’ dak iż-żmien ħa deċiżjoni li bosta għandhom jiġu sterilizzati bħala ġlieda kontra l-faqar.
Wara snin ta’ battalji biex tipprova tieħu r-raġun, Victoria rebħet il-każ u ngħatat $2,000 f’kumpens fl-2003.
Wara li l-eks-President tneħħa mill-poter fl-2003, infetħet investigazzjoni fuq allegat każi ta’ sterilizzazzjoni kontra r-rieda tal-individwi fejn il-każijiet għal dawn l-aħħar snin spiċċaw ma ġewx solvuti, bl-aktar wieħed riċenti jkun fl-2016.
L-eks-President issa qed iqatta’ 25 sena f’ċella fuq serq u li wettaq abbużi mid-drittijiet tal-bniedem waqt l-għaxar snin tat-tmexxija tiegħu.