Il-konferma kemm il-Kumitat tal-Covid tal-Partit Nazzjonalista huwa tassew finta issa taha wkoll wieħed mill-membri tal-istess Kumitat, Stephen Spiteri, wara li fl-aħħar sigħat dan il-Kumitat Nazzjonalista ħareġ kontra l-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa favur turiżmu sigur, primarjament li minn nhar l-Erbgħa li ġej, dawk li jidħlu f’pajjiżna, fosthom turisti, iridu jipprovdu ċertifikat tal-vaċċin u għalhekk ikunu mlaqqma kompletament kontra l-Covid-19.
Fil-Kunsill Ġenerali tas-Sibt filgħaxija, il-Kap Bernard Grech ukoll uża d-diskors tiegħu biex joħroġ kontra d-dħul biss f’pajjiżna biċ-ċertifikat tal-vaċċin.
Madankollu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri, wieħed mill-membri tal-istess Kumitat tal-Partit Nazzjonalista tal-Covid qal mod ieħor minn dak li qal il-Kap u kompla juri kemm il-Kumitat ta’ Bernard Grech huwa wieħed finta u lanqas jiltaqa’ u jitkellem fuq sempliċi stqarrija aħseb u ara biex iressaq xi proposti.
Fuq il-paġna tiegħu fuq facebook Stephen Spiteri għamilha ċara li t-turisti li jidħlu f’pajjiżna għandhom l-ewwel ikunu mlaqqma.
Bħalu għamel il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo, li ma deherx fil-Kunsill Ġenerali tas-Sibt li sar f’Għawdex.
“Only double vaccinated EU green light permits allowed in”, saħaq il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu, Robert Arrigo, li mhuwiex sigriet magħruf li l-lealtà tiegħu lejn l-eks Kap Adrian Delia kienet waħda iktar ferventi minn dik lejn il-Kap attwali Bernard Grech.
Intant fi stħarriġ ippubblikat fuq il-Maltatoday, maġġoranza assoluta tal-poplu taqbel li dawk li jżuru pajjiżna għandhom l-ewwel ikunu mlaqqma kompletament u mhux jistgħu jidħlu b’test negattiv għall-Covid-19.
Fl-istħarriġ li sar lejn l-aħħar ta’ Ġunju u l-bidu ta’ Lulju, kważi 96% li wieġbu għal dan l-istħarriġ qalu li f’pajjiżna, dawk li jidħlu għandhom l-ewwel ikunu mlaqqma kompletament.
Dan kontra dak li jrid il-Partit Nazzjonalista li sejjaħ il-miżura tal-awtoritajiet Maltin bħala waħda estrema.
Il-ġimgħa l-oħra, it-tabiba u Deputata Nazzjonalista Maria Deguara kienet imbarazzata għall-aħħar meta qabel seduta Parlamentari ġiet mistoqsija minn ONE News dwar il-ħidma tal-Kumitat Nazzjonalista tal-Covid u biex tgħid meta kien l-aħħar darba li dan iltaqa’.
Fil-fatt hija ħallietna bla risposta iżda fl-aħħar sigħat, il-membru l-ieħor tal-istess Kumitat, Stephen Spiteri ta risposta ċara li l-Kumitat tal-Partit Nazzjonalista dwar il-Covid huwa wieħed finta.