Il-Kelliem tal-Opożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri qed iħabbat wiċċu ma’ inkjesta formali mill-Kunsill Mediku dwar ħruġ ta’ ċertikati lil pazjenti mingħajr ma jkun rahom.
Rapport fis-sit elettroniku LovinMalta qal li wara li l-Kunsill Mediku Malti sema’ l-verżjoni li ta Spiteri, iddeċieda li jniedi investigazzjoni formali fil-konfront tiegħu.
Il-Kunsill Mediku mistenni jiltaqa’ fil-15 tax-xahar biex jiddeċiedi dwar il-każ li jista’ jwassal biex Spiteri jinqata’ mir-reġistru mediku.
Meta mistoqsi sabiex jikkummenta dwar dawn l-allegazzjoni, id-Deputat Nazzjonalista qal li se jimxi ma’ dak li jgħid il-Kunsill u lest li jikkummenta biss dwar il-każ wara li tittieħed id-deċiżjoni.
F’Novembru li għadda, is-sit xandar recording ta’ telefonata li saret fi spiżerija fejn kien jaħdem id-Deputat Nazzjonalista. Fir-recording, l-impjegata tal-ispiżerija tinstema’ tgħid li biex wieħed jikseb ċertifikat mingħand Spiteri, kulma ried jagħmel hu li jibgħat id-dettalji ma’ persuna oħra flimkien ma’ ħlas ta’ €5.
Dwar dan, Spiteri qal li ma kienx hu li tkellem waqt it-telefonata u li l-persuna li wieġbet kienet receptionist, mhux tabib jew spiżjara.
Intant, kelliem għall-Partit Nazzjonalista ġie kkwotat jgħid li l-Parti Nazzjonalista mhux se jieħu azzjoni fil-konfront tad-Deputat Nazzjonalista sakemm titlesta l-injesta tal-Kunsill Mediku Malti.