Eluf ta’ Maltin u Għawdxin illeja mistennija joħonqu kull rokna tal-Belt kapitali biex jattendu għan-Notte Bianca.
Għal dan il-għan, saru arranġament speċjali dwar kif il-pubbliku jista’ jattendi għall-attività tal-lejla bla ma joqgħod jinqala’ bil-karozza tiegħu u fl-istess waqt jiffranka ħafna taħbil il-moħħ dwar fejn se jħalli l-karozza pparkjata.
DĦUL U ĦRUĠ MILL-BELT VALLETTA
Biex tiġi evitata r-rassa l-viżitaturi li se jużaw it-transport pubbliku huma mħeġġa jidħlu minn Bieb il-Belt, fil-waqt li n-nies l-oħra huma mitluba li jużaw entraturi oħrajn minn naħa t’isfel tal-Belt.
TRASPORT
Għal waqt Notte Bianca, il-Malta Public Transport se torganizza servizz tal-karozza tal-linja estiż.
Kull min juża l-card Tallinja n-noll ta’ billejl jiswieh €2.50, waqt li dawk li m’għandhomx card, in-noll jiswiehom €3 u jħallsu lix-xufier bil-muniti dak il-ħin. Għal iktar tagħrif, il-konsumaturi jistgħu jċemplu fuq 2122 2000.
Id-dgħajjes se joperaw shuttle service minn Tas-Sliema għal Marsamxett, il-Belt; u mit-Tlitt Ibliet għal Lascaris, il-Belt u lura. Dan is-servizz jibqa’ għaddej bejn is-7pm u s-2am tal-Ħadd 8 ta’ Ottubru. L-Għawdxin jistgħu jserrħu rashom li l-Gozo Channel se jaħdem bl-iskeda tas-sajf.
Is-servizz tat-taxis se jingħata mill-venda tal-karozzi tal-linja tal-Furjana.
Il-Park & Ride tal-Blata l-Bajda kif ukoll il-parkeġġi tal-Furjana u tal-Belt kollha ser ikunu qegħdin jaħdmu sas-1am.
Il-lift tal-Barrakka ta’ Fuq ser ikun qed jaħdem u l-biljett tiegħu jiswa €1.
Wara l-5pm jingħalqu għall-karozzi t-toroq li jagħtu għaċ-ċentru u max-xatt tal-Belt, ħlief għar-residenti.