Fil-grawnd nazzjonali ta’ Ta’ Qali għaddejjin l-aħħar tħejjijiet għall-partita tant mistennija bejn Malta u l-Italja tal-Ħadd.
Fl-2007 twaqqaf is-South End Core bil-ħsieb li joffri sapport lit-Tim Nazzjonali Malti.
Is-sena l-oħra, il-membri tas-South End Core ħadu l-unur tal-aqwa sapporters fl-Ewropa minħabba l-imġiba tajba kemm meta t-tim malti jilgħab ‘home’ u saħansitra wkoll meta jkun barra. Kif ukoll fuq ix-xogħol li jsir ta’ korjografija għal waqt il-logħob. F’dawn l-aħħar tliet snin, is-South End Core kien irreġistrat bħala għaqda volontarja.
F’Ta’ Qali sibnihom qed iħejju għal korjografija għal waqt il-logħba Malta-Italja, grazzi għal fondi li akkwistaw minn skema tal-Aġenżija Żgħażagħ.
Tkellimna ma’ Dillon Mercieca li erba’ snin ilu ħa t-tmexxija ta’ South End Core.
“Bħalissa qegħdin żewġ timijiet, għandna tim li qed jipprepara l-istadium u ieħor il-fans zone. Il-fans zone tibda għada fis-sagħtejn fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali , hemm numru ta’ djs, numru ta’ logħob għat-tfal kif ukoll barijiet u stands tal-ikel, biex kulħadd jiġi qabel il-Partita biex jidħol fl-atmosfera. Bħalissa fl-istadium għaddej ix-xogħol fil-preparamenti tal-korjografija li tkun maqsuma fuq żewġ sezzjonijiet għall-erbat elef persuna li se jkunu fuq l-istand magħna. Ħa jkollok is-section li tinvolvi n-nies li jgħollu xi ħaġa f’idejhom u se jkollhom is-section ċentrali li jridu jniżżlu d-drapp fuqha.”
L-istennija għal-logħba Malta – Italja hija kbira.
Min-naħa ta’ One News nawguraw lit-Tim Nazzjonali Malti, FORZA MALTA.