L-appuntament li jmiss minn sensiela ta’ attivitajiet politiċi organizzati mill-Partit Laburista, bis-sehem tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, issa hu għall-Ħadd li ġej, 29 ta’ Ottubru, fiċ-Ċentru Laburista ta’ Ħaż-Żabbar.
Dakinhar il-Prim Ministru mhux biss se jżur liż-Żabbarin, iżda wkoll se jkun qed jgħaddi l-messaġġ tiegħu proprju jum biss qabel jitħabbar il-Bagit għas-sena 2024.
Din l-attività hi waħda minn kullana ta’ żjarat li l-Prim Ministru qed jagħmel f’diversi rħula u bliet f’pajjiżna, biex jibqa’ jħoss il-polz tal-Maltin u l-Għawdxin, jisma’ dak li jkollhom xi jgħidu, imma mhux biss. L-iskop jibqa’ li jibbaża l-viżjoni tal-pajjiż u I-politika tiegħu fuq dak li jridu n-nies.
Tkellimna mad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, il-Perit Daniel Micallef, li appella biex il-Ħadd li ġej kulħadd jingħaqad mal-Prim Ministru Robert Abela u mal-Partit Laburista.
Hu jisħaq dwar l-importanza li l-Partit Laburista dejjem iżomm lill-komunitajiet u lill-Maltin u l-Għawdxin fiċ-ċentru tiegħu.
Qal, “Proprju wara li nhar il-Ħadd, il-Prim Ministru kien Għawdex, il-Ħadd li ġej f’Ħaż-Żabbar nappellaw lil kull min qed isegwina jingħaqad magħna, dakinhar jaħbat proprju lejliet il-baġit. Baġit, it-tieni wieħed minn ħamsa ta’ din il-leġiżlatura, il-Prim Ministru diġà ta indikizazzjonijiet ċari ta’ x’se jkun qed ifisser flimkien mal-Ministru tal-Finanzi. Qed inħarsu ’l quddiem għad-diskors tal-Prim Ministru lejlet li l-Ministru għal-Finanzi jippreżenta l-Baġit għas-sena d-dieħla, baġit li jkompli jibni fuq dak ta’ qablu. Baġit li jkompli jimplimenta l-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’.”
L-attività fiċ-Ċentru Laburista ta’ Ħaż-Żabbar se tkun qed tibda fl-10:30 ta’ filgħodu.