Stennija kbira għal-logħba deċiżiva bejn il-Belt u l-Hibs is-Sibt waranofsinhar fl-istadium nazzjonali ta’ Ta’ Qali. Logħba li se tiddetermina minn se jirbaħ il-Kampjonat tal-futbol Malti. Din se tkun l-għaxar logħba deċiżiva għar-rebħ tal-kampjonat fl-istorja tal-futbol Malti.
Il-logħba se ssir wara li fi tmiem il-ġimgħa li għadda l-Beltin kienu fuq quddiem tal-klassifika iżda sfaw miżmuma minn Ħamrun f’logħba mimlija emozzjonijiet.
Fl-istess ħin Hibernians għelbu lil Balzan biex iż-żewġ timijiet spiċċa bi 58 punt fil-quċċata tal-klassifika.
Id-Direttur tal-Informazzjoni tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol l-MFA, Kevin Azzopardi, qal li din se tkun okkażjoni sabiħa għad-diletanti tal-futbol. Qal li diġà nbiegħu eluf ta’ biljetti.
Huwa spjega kif ġew imqassma l-partitarji fil-grawnd ta’ Ta’ Qali : “West A – Hibernians mibjugħ kollhu, anke West C li hu s-side ta’ Valletta ġie mibjugħ kollhu. Jidher ukoll li n-‘North Stand’ li hi side allokata għal Hibernians hemm hekk il-bejgħ miexi tajjeb ħafna. Valletta l-istess fil-Millenium D. Għandna wkoll ‘Millenium F’ allokat għal partitarji newtrali, li wkoll il-bejgħ tal-biljetti miexi tajjeb ħafna. Jidher li se jkollna folla sabiħa.”
Is-sigurtà ġewwa u barra l-grawnd ta’ Ta’ Qali mistennija tkun waħda kbira. L-Ispettur Robert Vella responsabbli miż-żamma tal-ordni fil-grawnd ħeġġeġ lin-nies biex jitilgħu għal partita kmieni kemm jista’ jkun. Qal li l-bibien se jinfetħu sa’ minn sagħtejn u nofs qabel u mistennija jattendu anke familji bit-tfal.
Spjega kif wieħed mistenni jipproċedi għal grawnd. “Is-supporters ta’ Valletta jsegwu r-rotot indikati u ċioe’ jiġu min-naħa tal-pitjali u jipparkjaw fin-naħa tal-‘Millenium Stand’ u kif ukoll fit-triq taċ-ċimiterju tal-Imtarfa. Is-supporters newtrali u ta’ Hibernians jiġu minn Triq Durumblat u jipparkjaw il-vetturi tagħhom fil-‘parking’ ta’ wara l-‘enclosure’.”
L-appell tal-Ispettur Vella hu wkoll għal kawtela u r-rispett fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ wara r-rebħ tal-kampjonat. Fil-fatt qal li sabiex il-partitarji tat-tim tellief joħorġu mall-ewwel mill-grawnd, biex tiġi evitata konfrontazzjoni.
Intant, Hibernians u Valletta se jerġgħu jiltaqgħu l-Erbgħa li ġej fil-kwarti finali tal-FA Trophy.