Fi Pjazza Kastilja għaddejjin ġmielhom it-tħejjijiet biex l-Erbgħa filgħaxija jiġi ċċelebrat is-suċċess li kellhom l-atleti Maltin fil-Logħob tal-Pajjiżi Żgħar tal-Ewropa, li din is-sena sar f’Malta għat-tielet darba.
Ir-riżultati bla preċedent miksuba f’din l-edizzjoni min Team Malta ċertament se jibqgħu imnaqqxa fil-qalb ta’ kull Malti u Għawdxi li jħobb l-isport b’mod partikolari. Għal dan il-għan, il-familji Maltin u Għawdxin huma mħeġġa jattendu biex ikollhom l-opportunità li jifirħu mal-atleti tal-kontinġent Malti u jsegwu spettaklu tal-ogħla kwalità li żgur se jfakkarna fl-isbaħ mumenti ta’ dan il-Logħob.
L-invit għal din l-attività, li se ssir l-Erbgħa filgħaxija, se jkun bla ħlas u huwa miftuħ għal kulħadd. Se niċċelebraw flimkien l-unuri u l-kisbiet tal-Atleti Maltin.
Barra l-logħob tan-nar u projezzjonijiet mill-aqwa fuq il-Berġa ta’ Kastilja, fost il-protagonisti f’dan l-ispettaklu insibu lil Aidan Cassar u Amber Bondin, bil-kanzunetta uffiċjali ta’ dan il-Logħob, ‘Shine Your Light. Se jkun hemm ukoll DJ David Cuschieri, u Ziggy, li permezz tal-mużika li se jippreżentaw se jassiguraw lejla indimentikabbli ad unur l-atleti ta’ Team Malta.
Il-Kap tal-Attivitajiet tal-Gvern, Aaron Zahra tkellem dwar ir-raġunijiet għaliex l–Erbgħa l-poplu Malti u Għawdxi għandu jingħaqad wara l-atleti Maltin u Team Malta.
“Il-poplu Malti għada qed jiġi mistieden sabiex jiċċelebra riżultat bla preċendent. Fis-sena 1985 kienet saret l-ewwel edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi z-Żgħar. Dakinhar Malta rebħet midalja waħda biss. Illum l-2023 u proprju għada se nkunu qegħdin niċċelebraw il-kisba ta’ 97 midalja li l-atleti tagħna rnexxielhom jiksbu fl-aħħar edizzjoni, li ġiet organizzata f’pajjiżna. Għalhekk, inħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi biex niċċelebraw l-atleti tagħna, niċċelebraw is-suċċess li għamlu. Se tkun opportunità sabiħa li għada nilqgħu lill-atleti tagħna f’din il-pjazza, Pjazza Kastilja, sabiex f’Festa għall-familja kollha niċċelebraw dan ir-riżultat tant mistħoqq li tant l-atleti ħadmu għalih.”