Taħt il-Patronċinju Distint tal-President ta’ Malta, nhar is-Sibt 25 ta’ Frar fit-8 ta’ filgħaxija fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Pietru fil-Ktajjen, Birżebbuġa, is-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa se tippreżenta l-oratorju sagru u korali ‘Divo Petro’.
Dan l-oratorju mużikali, sagru, u korali, iħaddan fih diversi talenti, fosthom dak ta’ Mro Ray Sciberras, li ħa ħsieb il-mużika tiegħu, filwaqt li l-lirika hija ta’ Sebastian Saliba, b’riċerka u b’referenza bibblika ta’ John Saliba.
L-oratorju ndaqq għall-ewwel darba fl-2021, f’nofs pandemija, fil-Katidral tal-Imdina, taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tas-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa.
Barra s-sehem tal-Banda Birżebbuġa, li se tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Mro Michael Bugelli, se jieħdu sehem il-Kor Mirabitur taħt it-tmexxija ta’ Mro Mario Attard, il-kor tat-tfal ‘Vuċijiet Vittorjani’ taħt id-direzzjoni ta’ Mro Julia Grima, l-alto Pamela Bezzina, it-tenur Charles Vincenti, u l-baritonu Louis Andrew Cassar.
ONE News attenda għal waħda mill-provi, fejn iltqajna mal-President tas-Soċjeta Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa, Alexander Caruana. Huwa spjegalna għaliex inħass il-bżonn li jerġa’ jiġi ppreżentat l-Oratorju Divo Petro.
‘Se jerġa’ jindaqq proprju għaliex, meta daqqejnih fis-sena 2021, minħabba r-restrizzjoni tal-pandemija, ammont ta’ nies ma setgħux jattendu għax kienu għadhom m’għandhomx iċ-ċertifikat tal-vaċċin, u għalhekk għamilna mezz biex nerġgħu ntellgħuh u ndoqquh, din id-darba fil-Knisja Parrokkjali ta’ Birżebbuġa, fejn jien inħeġġeġ lill-poplu ta’ Birżebbuġa u lil dawk kollha li japprezzaw din it-tip ta’ mużika, biex jattendu, proprju f’din il-ġimgħa li qegħdin niċċelebraw il-Katedra ta’ San Pietru.’