Il-Ġimgħa filgħaxija ngħata bidu għal numru ta’ attivitajiet organizzati mill-Partit Laburista, li se jkunu qed iwassluna għaċ-ċelebrazzjoni mill-isbaħ għall-familja kollha fl-ewwel ta’ Mejju.
Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Daniel Micallef, tkellem dwar ir-rilevanza ta’ workshop importanti li qed isir il-Ġimgħa filgħaxija, dwar ir-regolamenti proposti mill-Gvern biex kull min huwa involut fil-qasam tal-kostruzzjoni jkun obbligat li jkollu liċenzja.
Huwa qal li “Matul dan it-tmiem il-ġimgħa l-Partit Laburista se jkun qed ilaqqa’ l-Konferenza Ġenerali tiegħu. Proprju llejla nibdew ukoll b’workshop u diskussjoni li għaddejja fil-pajjiż relatata mas-settur tal-kostruzzjoni, li fiha hemm stakeholders u anke l-pubbliku b’mod inġenerali mistieden sabiex il-Partit Laburista wkoll jipparteċipa fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.”
Daniel Micallef qal li dan hu biss il-bidu għax hemm bosta attivitajiet oħra matul il-jiem li ġejjin – fosthom il-mesaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, nhar il-Ħadd li ġej – li se jwassluna għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewwel ta’ Mejju. Huwa ħeġġeġ lil kulħadd biex jipparteċipa u jattendi bi ħġaru.
Huwa kompla jgħid kif ”Il-Ħadd għandna sessjoni plenarja, fejn hemm stennija wkoll għad-diskors li jagħlaq din is-sessjoni plenarja tal-Prim Ministru Robert Abela, u dan huwa l-bidu ta’ avvenimenti li se jwassluna għall-manifestazzjoni, l-attività, iċ-ċelebrazzjoni għall-familja kollha tal-ewwel ta’ Mejju, proprju fil-Belt Valletta, tal-Partit Laburista. Nistiednu lil kulħadd biex jingħaqad magħna.”
Il-Konferenza Ġenerali l-Ħadd tibda fl-għaxra ta’ filgħodu, u se ssir fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Ħamrun.