L-entużjażmu għall-EuroPride Valletta 2023 qed jiżdied sew issa li fadal preċiżament xahrejn biex Malta tibda tospita dan l-avveniment internazzjonali għall-ewwel darba fl-istorja.
Ħafna ħaddiema u volontiera, artisti lokali u barranin, attivisti u l-pubbliku inġenerali qed juru l-interess tagħhom biex jingħaqdu f’din il-manifestazzjoni ta’ ugwaljanza u mħabba.
Fost l-attivitajiet, li se jwasslu lil pajjiżna għall-EuroPride, hemm iż-żifna uffiċjali bit-tema Dancing With Pride, li se ssir is-Sibt, fl-10 ta’ filgħodu, quddiem il-bini tal-Parlament il-Belt Valletta.
Hemmhekk, se jittella’ divertiment għall-familja kollha, b’mużika u ħafna sorpriżi.
L-attività se tkun immexxija mill-preżentaturi Ron Briffa, Miguel Samuel u Claire Agius Ordway.
Qalet, “Jien qed nistenna li ġejjin ħafna familji, ħafna kuluri, ħafna enerġija pożittiva, biex ilkoll niżfnu flimkien għal din ix-xi ħaġa kbira li ħa ssir fi żmien xahrejn, li għandna nkunu kburin ħafna biha.”
Kull min jattendi għal din l-attività se jidħol biċ-ċans li jirbaħ biljetti VIP għall-kunċert spettakolari tal-kantanta ta’ fama dinjija, Christina Aguilera, li se jsir fis-16 ta’ Settembru fuq il-Fosos tal-Floriana, bħala parti mill-EuroPride.
U fil-fatt se tkun id-diska Candyman – waħda mill-iktar kanzunetti popolari ta’ Aguilera – li għaliha se jiċċaqilqu l-Maltin u l-Għawdxin waqt iż-żifna tas-Sibt filgħodu.
L-istedina hi miftuħa għal kulħadd.
Qalet, “Ippruvajt naraha ż-żifna, m’hemmx għalfejn tkun xi żeffien kbir, ħa nkunu qed nagħmlu l-moves u kulħadd isegwi, din hija festa sabiħa fejn kulħadd ħa jiċċaqlaq ftit u ħa nkunu qed nifirħu flimkien.”
Fuq il-paġna ta’ Facebook, EuroPride 2023, ittella’ filmat bil-koreografija sempliċi għal din iż-żifna.
Iżda kif qaltilna Claire Agius Ordway, anke min ma jitgħallimx iż-żifna malajr, għandu jkun mal-folla u jiddeverti waqt din l-attività tas-Sibt.
Kollha flimkien, bħala poplu wieħed magħqud, bi preparazzjoni għall-avvenimenti kbar li se jkollna f’pajjiżna f’Settembru li ġej.
Qalet, “Il-EuroPride importanti l-ewwelnett, hija sabiħa ħafna u għandna nħossuna kburin ħafna li se ssir f’pajjiżna, it-tieni qegħdin 2023 u sabiħ ħafna li aħna pajjiż ta’ qalb kbira allura tajjeb li ma niġġudikawx, ma neħduhiex kontra ħadd, imma nilqgħu l-familji l-ġodda u għalhekk għandna niċċelebraw lilna nfusna li għandna moħħna miftuħ għax hija bidu ta’ ħafna festi li ġejjin għall-EuroPride għalhekk nagħmel appell biex kulħadd jingħaqad magħna għada s-Sibt.”