Żmien il-Karnival magħna, u diversi Maltin u turisti, mistennija jaqsmu l-fliegu u jerħulha lejn il-gżira tat-tliet għoljiet.
Għal sena oħra, il-gżira Għawdxija se tkun destinazzjoni unika, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ biex jiċċelebraw il-ħamest ijiem tal-Karnival, ikkaratterizzati minn briju, kostumi u karrijiet ta’ kull għamla.
U għal dan, Għawdex ħejja ruħu sew, hekk kif ġew ippjanati attivitajiet f’diversi lokalitajiet madwar il-gżira.
Lil hinn mill-attivitajiet għall-familja kollha, f’kull rokna ta’ Għawdex se jittellgħu wkoll diversi parties, li mistennija jkunu fost l-attrazzjonijiet ewlenin għall-influss ta’ Maltin u turisti li se jżuru din il-gżira.
Mill-Ħamis 8 ta’ Frar sat-Tlieta 13 ta’ Frar, l-iljieli f’Għawdex se jkunu qed jiddu b’qawsalla ta’ lwien u mużika moderna u klassika fl-isfond.
Dwar dan, tkellima ma’ tliet persuni li se jkunu qed jorganizzaw parties differenti f’Għawdex.
Id-DJ Koroma, minn G7 events, spjega li din is-sena se jiġu organizzati żewġ parties fl-Aurora u r-rispons għall-biljetti mill-ewwel kien tajjeb.
“Bħalissa ikun l-iktar żmien li nkunu għaddejjin full speed, għaddejjin bil-preparamenti għall-event. Kif qed jidhru l-affarijiet, il-Karnival ta’ Għawdex ħa jkollu konkorrenza kbira, kemm mill-Għawdxin kif ukoll mill-Maltin, jidher li telgħin ħafna nies għall-Karnival. Għandna l-Aurora weekender fejn il-Ġimgħa se jkun hemm G7 u s-Sibt se jkun hemm District u jekk Alla jrid kulħadd jiddeverti u jieħu pjaċir.”
Tal-istess fehma kien organizzatur ieħor, David, li spjega kif għall-party li qed jorganizza kien hemm rispons qawwi tant li l-biljetti nbiegħu kollha.
“Bħala event organisers, indunajna li kien hemm rispons tajjeb għall-Karnival, it-tickets inbiegħu ġmielhom. In-nies dejjem ikunu jridu jitilgħu l-Karnival jiġifieri, għaliex huwa avveniment li ma jkunux iridu jitilfu u naħseb in-nies jirrealizzaw, speċjalment iż-żgħażagħ, is-sinifikat tiegħu ukoll, apparti l-aspett kulturali tiegħu u l-pjaċir li tieħu. Aħna ħassejniha ħafna u looking forward għal dan il-weekend.”
Organizzatur ieħor qal li bħal snin ta’ qabel, jidher li l-Karnival ta’ din is-sena f’Għawdex se jkun suċċess.
Pocci spjega li din is-sena se jiġu wkoll DJs internazzjonli, li se jingħaqdu ma’ DJs lokali biex jagħtu l-aħjar prestazzjoni.
“Bħalissa għaddejjin bil-preparazzjonijiet, għall-Gozo Carnival Weekender li ħa jsir fl-ikbar clubbing complex ġewwa Għawdex li jismu La Grotta, ġejjin 3 DJs li huma internazzjonali kif ukoll lista twila ta’ DJs lokali. Il-weekender se jibda l-Ħamis u jispiċċa l-Ħadd. Qed nistennew ukoll attendenza kbira. Fil-fatt, l-event tas-Sibt, li jismu Grotta by Day huwa kważi sold out. Inħeġġeġ lin-nies biex jixtru tickets malajr ħalli ma jkunux diżappuntati.”