“Għada huwa ċ-ċans li nagħtu ħajja ġdida lill-Partit Nazzjonalista.”
Hekk iddikjaraw f’artiklu f’The Times of Malta l-membri tal-eżekuttiv Ivan Bartolo, Mark Anthony Sammut, Emvin Bartolo, Martin Musumeci u Emma Portelli Bonnici, li fl-aħħar ġimgħat għamlu l-kampanja uffiċjali biex Adrian Delia ma jibqax fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista.
Kitbu li eluf ta’ votanti m’għadhomx jagħrfu l-Partit Nazzjonalista. Eluf ta’ votanti nazzjonalisti qegħdin jitilqu għax ma fadlilhom xejn xi jżommhom fil-Partit Nazzjonalista.
Żiedu li anki in-nies ta’ Delia jafu li fl-aħħar sentejn il-Partit Nazzjonalista ma baqax miexi sew.
Tennew li r-riżultat elettorali ta’ Mejju li għadda kien telfa kbira għall-Partit Nazzjonalista. Qalu li l-poplu tkellem b’mod ċar u issa huwa ċans li jinbidel kollox.
Huma appellaw lill-kunsilliera Nazzjonalisti sabiex jipproteġu lill-Partit Nazzjonalista. Dan għax fi kliemhom Adrian Delia qatt ma jista’ jiġi elett u jagħmel lill-Partit Nazzjonalista, wieħed rebbieħ.
Huma żiedu jakkużaw lil Adrian Delia li ħoloq firda fil-Partit Nazzjonalista.
Hawn il-fazzjoni Busuttil semmiet il-każ ta’ Julian Micallef, il-ħabib ta’ Delia li kien isegwi l-passi ta’ deputati nazzjonalisti, u ħbieb oħra ta’ Delia li tqabbdu jinsulentaw ġurnalisti waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
“Għandna bżonn kap li jgħaqqad u jirranġa l-Partit Nazzjonalista – Partit Glorjuż” filwaqt li l-fazzjoni Busuttil kompliet tħeġġeġ biex jivvutaw LE għal Adrian Delia.
Vera li sentejn ilu ġie elett Adrian Delia, iżda t-tmexxija tiegħu ma ħadmitx u qatt mhi se taħdem kompiet tikteb il-fazzjoni Busuttil.
“Għandna bżonn il-kuraġġ li niffaċċjaw ir-realtà. Kull m’għandna bżonn huwa vot għada biex inbiddlu l-Partit Nazzjonalista. Għada huwa ċ-ċans li ma nibqgħux nagħmlu l-iżbalji. Għada huwa iċ-ċans.” bil-fazzjoni Busuttil qiegħda tistenna l-jum ta’ għada biex tipprova teħles minn Adrian Delia.