Minkejja li l-Ħadd li għadda il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li fil-Kunsill Ġenerali ta’ llum li jimmarka it-tlett anniversarju mindu nħatar Kap tal-PN, kien ser jagħti il-viżjoni tal-PN għas-sentejn li jmiss, f‘diskors ta’ 45 minuta fl-għeluq tal-Kunsill Ġenerali, l-anqas biss semma proposta waħda konkreta. Qal dan il-Partit Laburista li fi stqarrija nnota kif f’dan il-Kunsill Ġenerali , ġie ppreżentat biss rapport fuq it-traffiku li nvolva seba’ xhur ta’ ħidma biex jingħad biss li jekk il-PN ikun fil-Gvern jitħejja pjan fuq is-sitwazzjoni tat-traffiku. Pjan li qed jitwettaq minn Transport Malta u ser jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena skont l-obbligi mal-Unjoni Ewropea.
“F’Kunsill Ġenerali bit-tema ‘Politka’ Onesta’, minkejja stennija ta’ azzjoni fuq il-‘ pool f’żona ODZ ta’ Beppe Fenech Adami’, fuq Mario Demarco li sarulu xogholijiet b’xejn fil-propjeta tiegħu u kien biss wara li Adrian Hillman irrizenja li kellu jħallas dawn ix-xogholijiet biex jgħatti xtulu, fuq Francis Żammit Dimech u Ann Fenech li jaħdmu għall-kumpaniji li jiftħu kontijiet il-Panama wara li qalu li dawn il-kontijiet jinfetħu għall-korruzzjoni, fuq Tonio Fenech li huwa chairman ta’ kumpanija li il-mother company tagħha hija kumpanija fil-BVI, l-istennija kienet għal darb’oħra ta’ xejn,” żied il-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista temm jgħid li prevedibbli bħal dejjem, Simon Busuttil qal li mhux ser jieħu azzjoni għax għalih dawn huma ħmieg u tajn “kif ilna nisimgħuh jgħid.”
“Stennejna li ser ineħħi l-iskema taċ-ċedoli, jew għalinqas jippublika l-ismijiet ta’ min qed jikkontribwixxi, iżda la tana garanzija li m’hemm ħadd li kkontribwixxa fl-iskema ta’ dejn b’ħabi li hu involut fil-Panama Papers u wisq inqas ser jippublika l-ismijiet ta’ dawk li qed jikkontribwixxu,” tenna l-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista iddikjara wkoll li f’diskors ta ‘ 45 minuta fuq il-‘Politka Onesta’ , l-unika ħaga onesta li tkellem fuqha Simon Busuttil hu meta ammetta li stenna l-liġi tal-finanzjament tal-partit politiċi tiġi fis-seħħ wara 25 sena, biex idur ma’ din il-liġi u jagħmel l-iskema ta’dejn b’ħabi biex jiffinanzja d-dejn kbir tal-PN.
“Għal darb’oħra l-poplu Malti ra Oppożizzjoni negattiva u bla proposti , li issa qed jaqta’ qalbu li jistenna aħjar minnha,” qal il-Partit Laburista.