Il-Qorti tal-Appell Kriminali tat lil Eugenio Camenzuli, raġel ta’ tlieta u sittin sena, sentenza sospiża talli għoxrin sena ilu kkultiva żero punt żero tnejn grammi ta’ kannabis.
Hu kien ingħata sentenza ta’ sitt xhur priġunerija wara li kien arrestat fl-elfejn u waħda.
Fil-Qorti Camenzuli kien wieġeb ħati u apparti sentenza effettiva ta’ ħabs, il-Qorti imponiet multa ta’ mitejn lira.
Hu kien qal lill-pulizija li xi ħadd kien tah żerriegħa tal-kannabis f’Paceville.
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera osservat li fil-ħames snin minn meta sar l-arrest għal meta tressaq il-Qorti, ir-raġel ma baqax jagħmel użu ta’ drogi filwaqt li nnutat li l-liġi ma tagħti l-ebda definizzjoni ta’ kultivazzjoni.
Is-sentenza ta’ ħabs inbidlet għal sitt xhur sospiżi għal sena. Ir-raġel xorta waħda ser ikollu l-multa imposta flimkien mal-ispejjeż relatati mal-esperti tal-Qorti.