‘Il-mument’ tal-lum ħarġet storja falza dwar dak li skontha qed isir bħalissa f’Mater Dei. Dawn l-istejjer, li bħalhom ‘il-mument’ ippubblikat kemm-il darba mingħajr ma qatt ġew iċċekkjati l-fatti, juru li l-Partit Nazzjonalista għadu ma fehem assolutament xejn fuq il-qasam tas-saħħa. Qal dan l-uffiċċju tad-Deputat tal-Prim Ministru u mill-Ministeru għas-Saħħa permezz ta’ stqarrija.
L-istqarrija tgħid li partijiet mill-istorja huma fil-fatt cut and paste ta’ stejjer simili mill-istess ġurnalist fl-istess gazzetta – stejjer li ġew miċħuda u mgiddba xhur ilu.
Intqal kif ir-ritratti ppubblikati juru pazjenti fl-emerġenza – eżattament fil-kuritur ta’ quddiem l-X-ray Unit – li jkunu qed jistennew biex isirilhom x-ray jew jistennew riżultati ta’ testijiet oħrajn skont il-bżonnijiet kliniċi individwali.
Mhux minnu li hemm pazjenti li qed jingħataw kura f’kurituri. Fil-fatt, din hi l-inqas sena li matulha kien hemm iljieli fejn il-pazjenti kellhom jingħataw kura f’kuritur, b’inqas minn 30 lejl ta’ pazjenti f’kuritur meta tikkumpara mat-8,000 lejl matul l-2012.
Il-Ministeru għas-Saħħa sostna li qed ikompli għaddej bil-ħidma biex din il-kwistjoni tal-pazjenti fil-kurituri tibqa’ tiġi indirizzata.
Il-pazjenti fil-kurituri hi problema li dan il-gvern ħadem ħafna biex tittaffa, kif fil-fatt sar. Inbniet binja ġdida ta’ żewġ swali bi 68 sodda, żidna l-cubicles fl-Emerġenza, irranġajna s-sala MAU3 u ftaħna hospitality lounge ġdid.
Għada stess se jibda proġett biex parti li kienet inbidlet bla pjan f’area fejn jitpoġġew il-pazjenti f’Jannar 2008 (xhur wara li fetaħ Mater Dei), issa tiġi rranġata f’sala proprja li toffri l-faċilitajiet kollha lill-pazjenti u lill-ħaddiema.
Il-progress f’Mater Dei ma kienx ikun possibbli mingħajr il-ħaddiema u l-professjonisti involuti li jaħdmu b’tant dedikazzjoni biex jagħtu servizz ta’ kwalità li riċentament ġie rikonoxxut f’ġurnal prominenti internazzjonali.
L-istqarrija temmet tgħid li l-Partit Nazzjonalista għandu jitgħallem jevita stejjer ivvintati u sensazzjonali bħal dawn li huma intiżi biss biex jagħmlu ħsara u joħolqu pressjonijiet bla bżonn fuq servizz tant delikat – servizz li jkun ferm aħjar li naħdmu biex intejbu flimkien mingħajr ma nagħmluh ballun politiku.