Tnieda ktieb dwar in-nisa Maltin tas-seklu tmintax. Tnedija li saret fit-tempji tal-Ġgantija fejn dak iż-żmien numru kbir ta’ nisa kienu joħonqu l-akwati biex jagħmlu xogħolijiet fl-industrija tal-qoton.
L-awtriċi tal-ktieb Yosanne Vella sostniet li minkejja li n-nisa ta’ dak iż-żmien ma kienux attivi politikament, il-kontribut tagħhom f’setturi differenti tat-tkabbir tas-soċjeta m’għandux ikun injorat.
Vella sostniet li “Kellhom l-influwenza tagħhom ukoll. Allura f’dan il-ktieb pruvajt inġib ir-riċerka ta dawn l-aħħar tletin sena biex nuri li kienu hemhekk. Trid tkun taf kif tfittixhom u għandi pjaċir ngħid li llum il-ġurnata bdew jinkitbu u ssir riċerka fuqhom”
Fost l-istejjer awtentiċi ta’ nisa Maltin hemm ġabra ta’ dokumenti mil-Qrati ta’ dak iż-żmien fejn diversi nisa kienu mixlija b’reati bħal serq, molestar, ġlied u sokor.
Fir-riċerka tagħha l-awtriċi fliet l-arkivji tal-Inkiżitur li żvelaw perspettiva differenti tal-ħajja fil-monasteri. Soru Karmelitana ħarġet tqila fl-elf sebgħa mija u tletin u ppruvat tagħmel abbort. Dan filwaqt li s-sorijiet tal-Monasteru ta’ Santa Skolastika ġew akkużati b’aġir skandaluż u pagan. Saħansitra kien hemm soru akkużata li kellha x’taqsam sesswalment max-xitan.
Yosanne Vella timraħ fil-każijiet tal-qorti li jinvolvu adulterji u offiżi ta’ natura sesswali.
Nisa, li kienu senswali fl-apparenza tagħhom, u kienu jġennu għal warajhom lil xi Kavallier. Nisa li kienu wkoll vittmi ta’ inġuszzji u reati kriminali. Għalkemm ġieli kienu n-nisa stess li kkommettew reati kriminali.
Il-vjolenza kontra n-nisa ġrat b’mod rikorrenti. Ħafna drabi din saret mir-raġel tagħhom stess. Għal ħafna nisa Maln, is-swat kien parti mill-ħajja matrimonjali.