Mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela stiednet lit-tfal kollha biex ifasslu l-kartolina uffiċjali tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Fil-fatt, fi żjara fl-iskola Primarja tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca, f’Tal-Pietà, tnediet il-ħames edizzjoni tal-inizjattiva ‘Kartolina Milied’ li għal dawn l-aħħar snin rat il-parteċipazzjoni b’saħħitha ħafna mit-tfal u miż-żgħażagħ ta’ pajjiżna.
Din is-sejħa hija miftuħa għall-istudenti kollha li għandhom età ta’ bejn 4 u 12-il sena. Il-parteċipanti jistgħu jużaw kwalunkwe mezz jew taħlita ta’ mezzi, inkluż iż-żebgħa, crayon, lapes, collage, u midja diġitali biex iwettqu t-tpinġija tagħhom.
Bord tal-għażla mmexxi mill-Kunsill Malti għall-Arti se jagħżel il-kartolini uffiċjali għal dan il-Milied minn fost is-sottomissjonijiet mill-iskejjel. Ir-rebbieħa ta’ din il-kompetizzjoni se jiġu mħabbra nhar it-Tnejn, 16 ta’ Diċembru.
Il-premjijiet se jingħataw lil tliet gruppi differenti skont l-età għall-aħjar disinn u l-aħjar messaġġ talkartolina. Dawn il-gruppi tal-età huma: minn 4 sa 6 snin, minn 7 sa 9 snin u minn 10 sa 12-il sena. Id-disinn rebbieħ u l-messaġġ rebbieħ minn kull grupp t’età se jintgħażel għad-disinni uffiċjali tal-Kartolina tal-Milied talUffiċċju tal-Prim Ministru. Ix-xogħol artistiku tat-tfal kollha se jkun esebit fil-Villaġġ tal-Milied fi Pjazza Kastilja bejn is-16 u l-24 ta’ Diċembru.