Għad ta’ negozji u intrapriżi ingħaqdu flimkien sabiex jiddiskutu s-sostenibbilità tal-komunitajiet f’pajjiżna.
Dan waqt business breakfast organizzat mill-Ministeru għall-Akkomodazzjoni bil-għan li jistieden intrapriżi u negozji sabiex jingħaqdu mal-Fond għall-iżvilupp tal-akkomodazzjoni soċjali.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes stqarr kif is-settur tal-akkomodazzjoni dejjem kien marbut ma’ diversi aspetti fundamentali fil-ħajja ta’ kuljum.
Stqarr kif issa dan il-qasam għandu jibda jaħseb dwar kif ser jagħmel il-komunitajiet tagħna iżjed sostenibbli bil-ħsieb li titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Dan fost l-oħrajn b’ħidma għall-ħolqien tal-iżjed spazji miftuħa u l-irrinovar ta’ bini li jkun intelaq maż-żmien.
Stqarr kif madankollu s-sostenibbilità ma’ tiddependix biss mill-isforzi tal-Gvern u li għalhekk is-settur privat għandu ħafna x’jikkontribwixxi fil-komunità: “Komunità waħidha ma tistax tkun immexxija mill-istat biss imma l-involviment u l-parteċipazzjoni anke tal-entitajiet kummerċjali li jixtiequ jikkontribwixxu biex insebbħu l-ambjent biex nagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar billi fost l-oħrajn ntejbu wkoll is-sistema infrastrutturali ta’ pajjiżna imma jkollna viżjoni wkoll li mhux biss il-housing estates imma l-komunitajiet ukoll igawdu minn proġetti simili biex ngħinu wkoll fit-twaqqif ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar fil-komunitajiet tagħna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia wkoll spjega kif irridu nkunu radikali fil-mod ta’ kif wieħed jinvesti għal dan il-għan.
Spjega kif bħala Malta Enterprise sar tibdil fil-mudell ekonomiku sabiex kull proġett itejjeb il-kwalità tal-ħajja.
Spjega kif dan l-aħħar kien hemm ċaqliq fejn proġett ma jibqax pożittiv biss meta joħloq l-impjieg u jiġġenera l-investiment iżda wieħed irid jara li dan itejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Fost l-oħrajn innota kif permezz ta’ żewġ skemi separati intrapriżi qed ikunu mgħejjuna jżidu l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tagħhom.