Il-LifeCycle (Malta) Foundation din is-sena se torganizza r-raba’ edizzjoni ta’ LifeWalk bejn l-24 u d-29 ta’ Mejju biex tiġbor fondi għall-inizjattivi tagħha b’risq pazjenti li jbatu minn kundizzjonijiet renali, biex tappoġġja r-riċerka medika u tqajjem kuxjenza dwar il-mard tal-kliewi.
LifeWalk hija sfida ta’ trekking ta’ 145 kilometru tul Hadrian’s Wall fir-Renju Unit u saret għall-ewwel darba fl-2021. Għalkemm fil-bidu tagħha l-ħsieb kien li jsir xi ħaġa wara li l-pandemija tal-COVID-19 waqqfet il-LifeCycle Challenge, minn dakinhar LifeWalk kisbet popolarità fost individwi li mhumiex ċiklisti ferventi imma jixtiequ jieħdu sehem fi sfida ta’ reżiljenza filwaqt li jiġbru fondi għal kawża denja.
Alan Curry, il-fundatur tal-LifeCycle (Malta) Foundation, ikkummenta: “LifeWalk tgħaddi minn uħud mill-isbaħ partijiet tal-Ingilterra. Il-LifeWalkers huma mistennija li jkopru sa 36 kilometru kuljum, imdawra minn pajsaġġi naturali mill-isbaħ u fortifikazzjonijiet storiċi. Hija sfida li titlob reżiljenza, iżda li tagħti sodisfazzjon kbir. Għalhekk qed nistiednu lin-nies biex jingħaqdu magħna f’din l-inizjattiva. ”
Il-LifeCycle (Malta) Foundation ġabret ‘il fuq minn Eur3.2 miljun minn mindu twaqqfet fl-1999. Hija l-unika organizzazzjoni volontarja li tiġbor fondi biex tappoġġja lill-pazjenti tal-kliewi f’Malta u Għawdex, u tikkollabora kontinwament mar-Renal Unit tal-Isptar Mater Dei u mat-tim li jaħdem għal għarfien akbar dwar il-mard tal-kliewi fi ħdan il-University Research Trust (RIDT) tal-Universita ta’ Malta.
Biex tirreġistra l-interess tiegħek għal-LifeWalk, jew għal aktar tagħrif, żur il-paġna dedikata għal din l-inizjattiva fuq il-website tal-LifeCycle (Malta) Foundation: https://lifecyclefoundation.com/lifewalk-challenge/
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn fuq il-paġna ta’ Facebook tal-istess fondazzjoni.