Wasal fl-aħħar fażijiet ix-xogħol ta’ skavar fuq ix-xini Puniku li jinsab mgħarraq ’il barra mill-kosta tax-Xlendi, li hu proġett immexxi mill-Università ta’ Malta bil-kollaborazzjoni u bis-sostenn tal-Ministeru għal Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana kellha l-okkażjoni li tiltaqa’ mat-tim internazzjonali kompost minn arkeoloġisti u għaddasa professjonali, li qed jagħmel din l-ispedizzjoni mmexxija mill-Professur Timmy Gambin. Il-Ministru Caruana uriet apprezzament għax-xogħol delikat li qed iwettqu r-riċerkaturi f’ambjent ristrett u f’kundizzjonijiet xejn favorevoli peress li dan il-ġifen jinsab f’fond ta’ aktar minn 110 metru. Irrimarkat li din is-sejba storika se tagħti aktar għarfien tal-ħajja f’Għawdex f’din l-epoka mbegħda kif ukoll ikompli jarrikixxi lil Għawdex li hu diġà mogħni bi storja li tmur lura sa 5,000 sena qabel Kristu.
Il-Professur Gambin spjega l-proċess elaborat li jgħaddu minnu l-għaddasa li qed jaħdmu fuqu biex dan il-ġifen jerġa’ jittella’ u jiġu rikoverati l-oġġetti li jinsabu fih. Qal li l-ġimgħat li għaddew kienu importanti għax l-ispedizzjoni rnexxielha tnaddaf il-ġifen mis-sediment li nġabar fih u madwaru matul il-medda tas-snin.
Nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Settembru, il-pubbliku ġenerali se jkollu l-opportunità jesperjenza din l-iskoperta arkeoloġika unika fid-dinja permezz ta’ 3D Virtual Reality Display ta’ kif jinsab il-ġifen Puniku preżentament. It-3D Virtual Reality Display ser ssir fil-bajja tax-Xlendi u tibda fis-7 ta’ filgħaxija.