Nhar l-Erbgħa, 3 t’Ottubru, u l-Ħamis, 4 t’Ottubru, Heritage Malta se tkun qed tipprovdi lill-pubbliku l-opportunità li jduq l-Istorja fis-sala tal-ikel tal-Mużew Marittimu, il-Birgu. Ibbażata fuq kunċett ġdid li jitraċċa u jagħti l-ħajja mill-ġdid lill-menus tal-passat, il-mistiedna se jkunu mħajjra jissorprendu ruħhom bit-togħmiet ta’ tliet platti għaġin li jmorru lura sekli sħaħ.
“Aħna rridu nuru li l-gżejjer Maltin għandhom il-kultura tal-ikel tagħhom li tagħni u tidentifika l-identità tagħna. Din l-idea ġiet imsejjsa fuq riċerka vasta fl-arkivji, f’kotba storiċi tar-riċetti u f’inventarji tal-kċina, flimkien ma’ artifatti li jinsabu fil-mużewijiet ta’ Heritage Malta,” fisser il-Kuratur, Liam Gauci.
Wieħed minn dawn l-artifatti huwa kwadru mpinġi minn Charles Frederick de Brocktorff li letteralment jiftaħ tieqa fuq ħanut Malti tal-ikel tad-19 il-seklu. Dan joffri wkoll titwila interessanti lejn l-ikel, l-ilbies, it-tradizzjonijiet u l-aspetti tal-ħajja ta’ dak il-perjodu. Sa llum, din hi l-eqdem immaġni li għandna tal-għaġin jittiekel fil-belt kapitali tagħna, u din tifforma parti mill-kollezzjonijiet ta’ Heritage Malta.
“Dawk li se jkunu qed jattendu għal dan il-pranzu esklussiv se jesperjenzaw mill-ġdid dak il-mument storiku li tpinġa fil-kwadru ta’ Brocktorff. L-ingredjenti wżati huma awtentiċi u ġenwini, u kollha prodotti lokalment. Xi artifatti li jidhru f’din it-tpinġija, li bħalhom jinsabu fil-kollezzjonijiet ta’ Heritage Malta, se jkunu qed jiġu esebiti wkoll.”
Il-mistiedna se jintlaqgħu b’inbid mill-lista tal-inbejjed tal-Granmastru nnifsu. Dan mhux xi lejl ordinarju fejn se jittiekel l-għaġin. Infatti dan hu pranzu denju għal dawk li għandhom gosti tassew irfinuti. L-inbid li se jiġi offrut matul is-serata kollha se jkun jikkonsisti xejn inqas minn Pinot Noir minn Burgundy, Chiablis, Gewürztraminer, Port u Rum fin mill-Karibew.
Is-serata se tibda billi l-mistiedna jkollhom iċ-ċans li jduqu xi antipasti lokali li kienu komuni fuq ix-xwieni f’Malta fit-18 il-seklu, salsiccia mnixxfa, ġobon tan-ngħaġ, rucola friska mill-għelieqi Maltin, u galetti. Tliet tipi ta’ għaġin se jsegwu: spaghetti grossi con cascio (tip ta’ ġobon), macaroni bil-ġbejniet friski, bajd u ħwawar, skont riċetta tal-Patrijiet Dumnikani tal-Birgu, u macaroni bl-ikkapuljat tat-tiġieg, faqqiegħ, ġobon maħkuk u l-bieba tal-ħobż imxarrab fil-ħalib; dan kollu bbażat fuq riċetta tal-1739.
L-għaġin kollu se jkun maħdum bl-idejn u b’ingredjenti lokali, u skont riċetti li nstabu fil-paġni tal-Istorja Maltija. Bħala diġestiv, u biżżejjed biex kull mistieden ikun esperjenza l-Istorja kollha, kafè u Port (kif jidher fil-kwadru ta’ Brocktorff), se jiġu servuti fuq it-terrazzin li jħares fuq il-Port il-Kbir; l-istess port fejn proprju dak l-ikel u nbid ġew ikkunsmati tant snin ilu.
“Essenzjalment, din l-attività se tkun interattiva, fejn il-mistednin se jkunu jistgħu jgawdu l-ikel fil-kumpanija ta’ storiċi li se jkunu qegħdin jispjegaw il-ġrajja u s-sinifikat ta’ dak il-pranzu. Il-kwadru rinomat ta’ Brocktorff se jkun ukoll esebit waqt din l-attività.”
Dawn l-attivitajiet se jibdew fis-7:30pm fil-Mużew Marittimu, il-Birgu.
Biljetti: Adulti/anzjani/studenti/tfal bi prezz ta’ €37.50. Membri ta’ Heritage Malta jħallsu €30.
Il-biljetti jistgħu jinkisbu mill-mużewijiet u s-siti kollha ta’ Heritage Malta, u anki online fuq: https://shop.heritagemalta.org/