13-il wirt storiku fil-komunitajiet se jingħataw is-sura li kienu jgawdu minnha fl-imgħoddi permezz ta’ proġetti ta’ restawr li applikaw għalihom il-Kunsilli Lokali.
Din hija s-seba sena li nħarġet din l-iskema u li permezz tagħha diġà saru 39 proġett, tletin minnhom tlestew u l-kumplament waslu biex.
Din is-sena, għall-ewwel darba mindu tnediet l-iskema, se jsiru l-proġetti kollha li applikaw għal din l-iskema, li fosthom hemm statwi, niċeċ, monumenti u strutturi storiċi li jsebbħu l-lokalitajiet tagħna.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Owen Bonnici spjega li għal din is-sena ttieħdet id-deċiżjoni biex jiġu implimentati proġetti eliġibbli kollha fuq perjodu ta’ sentejn, għaliex ġew sottomessi diversi proposti b’saħħithom u tajbin li kienu jimmeritaw konsiderazzjoni pożittiva.
Minn naħa tagħha is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret l-impenn tal-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr, li se jkunu huma li jagħmlu x-xogħol tar-restawr. Zerafa Civelli qalet li dawn il-proġetti jgħollu l-valur tal-lokalitajiet.
Il-proġetti ż-żgħar se jibbenefikaw minn €6,000 sa €10,000 u l-proġetti akbar se jgawdu minn għotja ta’ madwar €65,000
Dawn huwa l-proġetti li se jsiru:
- L-istatwa ta’ San Pawl u l-faċċata tal-Knisja ta’ Santa Magdalena fir-Rabat.
- Il-Kappella ta’ San Klement fiż-Żejtun.
- Il-Knisja Parrokkjali l-Antika f’Ħal Lija.
- Il-Kappella tal-Propostu f’San Ġwann.
- Il-Knisja tal-Madonna tad-Dawl f’Ħaż-Żebbuġ.
- Is-Salib tad-Dejma f’Ħal Kirkop.
- In-niċċa ta’ San Bartilmew u San Pawl ful-Għargħur.
- L-istatwa tal-Madonna tal-Grazzja fil-Fgura.
- it-Torri tal-Ilma tal-Akwadot f’Santa Venera.
- Il-faċċata tal-Kappella ta’ San Ġużepp u l-binja tal-Fondazzjoni St. Jeanne Antide f’Ħal Tarxien.
- L-istatwa ta’ San Ġwakkin f’Marsaskala.
- In-niċċa ta’ San Pawl fiż-Żurrieq.
- Il-Knisja ta’ San Ġakbu fix-Xgħajra.