Is-sena 2018 se tibqa’ mfakkra fil-Parroċċa tas-Swatar mhux biss għaliex qed tiċċelebra l-10 snin mit-twaqqif tagħha mill-E. T Mons. Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona OP imma wkoll għaliex se tasal l-istatwa titulari tal-Parroċċa.
L-Istatwa tfakkarna f’San Ġorġ, l-ewwel qaddis malti kanonizzat fil-mument meta fl-24 ta’ Diċemrbu 1921 għamel l-ewwel purċissjoni bil-bambin. Filfatt il-bambin li San Ġorġ se jkun qed iżomm f’idu huwa kopja fl-injam tal-bambin li kien uża San Ġorġ stess maħdum mill-missier/nannu tal-artisti Kav. Alfred Camilleri Cauchi u ibnu Aaron Camilleri Cauchi. L-istatwa ġiet ġentilment mogħtija lill-Parroċċa mis-Sur Emanuel Vella.
Il-Programm ta’ dan il-mument storiku għall-Parroċċa tas-Swatar se jkun hekk:
Is-Sibt 22 ta’ Settembru 2018, fil-5.30pm l-istatwa ta’ San Ġorġ Preca tinkixef u tintwera għall-ewwel darba fi Pjazza l-Eroj, ħdejn il-MUSEUM tal-Bniet. Wara jibda korteo bl-istatwa li għaddi minn Triq P. Borg Olivier, Triq il-Qattus fejn jikixef il-bambin ħdejn il-MUSEUM tas-Subien. Wara l-bambin se jġorruħ it-tfal bħalma jsir fil-purċissjoni bil-bambin nhar l-24 ta’ Diċembru. Il-Korteo jkompli għal Triq it-Torri sal-knisja.
Fis-7.15pm l-istatwa tasal fil-parkeġġ tal-knisja fejn isir mument ta’ Adorazzjoni Ewkaristika b’riflessjonijiet mit-tagħlim ta’ San Ġorġ Preca. Janimaw l-adorazzjoni, u wara s-serata, il-bandFootprints flimkien ma’ Andrew Cauchi u l-familja. Wara jkun hemm ikel u xorb għall-familja kollha u ħin sabiex nistgħu napprezzaw ix-xogħol artistiku tal-istatwa maħduma fl-injam mill-Artisti Kav. Alfred u ibnu Aaron Camilleri Cauchi.
L-Għada l-Ħadd 23 ta’ Settembru 2018 se jsir it-tberik tal-Istatwa. Fis-6.30pm se ssir konċelebrazzjoni mmexxija mill-E.T. Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna li fiha jpoġġi l-Bambin għall-ewwel darba f’idejn San Ġorġ Preca u jbierek l-istatwa.