Statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika turi li s-sena li għaddiet id-dħul disponnibbli tal-familji Maltin u Għawdxin żdied għal ftit aktar minn tmienja u għoxrin elf u ħames mitt ewro.
Imqabbel ma qabel l-elfejn u tlettax, id-dħul disponnibli żdied b’aktar minn ħamest elef ewro fis-sena, jew żieda notevoli ta’ wieħed u għoxrin fil-mija.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, Mark Musù, spjega li kollox jindika li kull familja kellha sitt mija u ħamsa u sebgħin ewro aktar f’butha sal-aħħar tas-sena, jew tlettax-il ewro aktar fil-ġimgħa.
Is-Sur Musù spjega: “Kellek żieda marġinali fin-numru ta’ dawk li d-dħul tagħhom qed jaqa’ taħt is-60%, qed nikellmu fuq żieda ta’ 0.3%. Huwa pożittiv il-fatt li meta kellek żieda fid-dħul disponibbli tal-familji, jkollok żieda verament marġinali ta’ dawk li mhux ilaħħqu ma’ dik iż-żieda.”
L-istatistika tal-NSO turi li f’sena waħda, dawk bid-dħul t’anqas minn sitt t’elef ewro naqsu bi kważi elfejn ruħ.
Minn madwar sittax-il elf u ħames mitt persuna dawn niżlu għal madwar erbatax-il elf u ħames mitt f’sena waħda. Qabel l-2013 kienu aktar minn sitta u tletin elf u ħames mitt persuna li kienu fuq dħul ta’ anqas minn sitt t’elef ewro fis-sena.
Musù tkellem dwar tendenzi komuni meta pajjiż ikun sejjer tajjeb ekonomikament.
Huwa sostna: “Kull fejn pajjiż ikun sejjer ekonomikament tajjeb, se jiżdied in-numru t’ dawk li jkunu jidhru li huma f’riskju ta’ faqar. Ma jfissirx li jkun żdied il-faqar, imma dan hu t-terminu użat biex jiddeskrivi l-fawk li jkunu taħt il-linja tas-sittin fil-mija.”
Żvilupp interessanti ieħor kien il-qies internazzjonali użat biex titkejjel l-inugwaljanza fid-dħul.
Dan naqas minn tmienja u għoxrin punt sebgħa fil-mija għal tmienja u għoxrin fil-mija.
Ir-rata ta’ deprivazzjoni materjali naqset minn tmienja punt sebgħa fil-mija għal tmienja punt erbgħa fil-mija fl-aħħar sena, u minn kważi għoxrin fil-mija fl-2013. Dan ifisser li f’sitt snin dan il-fenomenu soċjali tnaqqas b’aktar minn-nofs, b’aktar minn wieħed u erbgħin elf u ħames mitt persuna anqas f’din il-qagħda.
Il-Ministru għall-Familja Michael Falzon sostna li dawn ir-riżultati jindikaw kemm il-politika soċjali u ekonomika mħaddma fl-aħħar snin għamlet differenza fl-għajxien tal-familji, u fakkar kif is-suċċess ekonomiku ta’ Malta ma żiedx l-inugwaljanza soċjali.
Il-Ministru Falzon saħaq: “Ma tridx tara dawn il-figuri biss, trid tara minn fejn tlaqna. Fl-2013 kellna mitt elf ruħ f’riskju ta’ faqar u kien hemm min kien jgħid li din kienet perċezzjoni. Dan il-Gvern fl-aħħar seba’ snin verament involvejna lilna nfusna biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin. Għad fadali xi jsir u aħna kommessi b’ruħ soċjali qawwija biex inkomplu nagħmlu dan.”