L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tilqa’ l-progress sinnifikanti fl-isforzi tar-riċiklaġġ madwar Malta fl-2023. Dan jenfasizza xejriet pożittivi fis-sostenibbiltà u l-irkupru tar-riżorsi.
Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi progress sinnifikanti fit-trattament u r-riċiklaġġ tal-iskart. Ġew ittrattati total ta’ 2.6 miljun tunnellata ta’ skart, li jirrappreżentaw żieda ta’ 3.1% mill-2022. L-isforzi tar-riċiklaġġ kienu partikolarment inkoraġġanti f’faċilitajiet li jinsabu f’Malta u barra minn Malta b’żieda ta’ 7.8% u 12.6%, rispettivament. Filwaqt li l-ogħla żidiet kienu fl-iskart tal-kostruzzjoni u t-twaqqigħ, l-aktar tnaqqis notevoli ġie mill-iskart domestiku. L-istatistika tal-NSO turi li kien irreġistrat tnaqqis ta’ kważi 10% fl-iskart mid-djar.
“Dan huwa sinjal inkoraġġanti li juri kif il-pubbliku qed jadotta aktar prattiċi ta’ tnaqqis u separazzjoni tal-iskart ,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-ERA Kevin Mercieca.
Aktar minn 41,000 tunnellata taʼ skart ġew mormija fl-2023 permezz ta’ civic amenity sites – żieda mill-34,000 tunnellata miġbura fis-sena ta’ qabel.
Malta qeda timplimenta l-Pjan ta’ Ġestjoni tal-Iskart 2021-2030 fejn l-għanijiet ewlenin tiegħu jinkludu t-tnaqqis tal-iskart, it-titjieb tal-infrastruttura tal-ġestjoni tal-iskart, u t-titjieb tar-riċiklaġġ filwaqt li titnaqqas id-dipendenza fuq il-miżbliet.
Fl-2023, Malta introduċiet is-separazzjoni obbligatorja tal-iskart, skeda ta’ ġbir unifikat u stabbilixxiet tariffi għar-rimi tal- iskart (Gate fees) – miżuri kollha li jinċentivaw is-separazzjoni tal-iskart u l-għażliet tat-trattament.
L-Istatistika tal-NSO turi wkoll li Malta ġġenerat kważi 2.9 miljun tunnellata ta’ skart fl-2023. Dan huwa titjieb meta mqabbel mal-marka ta’ 3.6 miljun tunnellata rreġistrata fl-2019 u l-2020.
Qasam ewlieni ta’ ħidma jkompli jkun l-iskart tal-kostruzzjoni, li kien jammonta għal kważi 2.2 miljun tunnellata fl-2023. 68% tal-materjal ġie riċiklat u 31% intuża għall-backfilling. Dan juri titjieb sinifikanti ieħor fir-riċiklaġġ fuq l-irkupru meta mqabbel mal-2019, fejn 33% tal-materjal ġie riċiklat u 66% intuża għall-backfilling.
F’konformità ma’ l-Istrateġija tal-Iskart tal-Kostruzzjoni u t-Twaqqigħ li tkopri 2021-2030, L-ERA ntroduċiet qafas regolatorju ġdid għall-ġestjoni tal-iskart tal-kostruzzjoni u tat-twaqqigħ li daħal fis-seħħ sa tmiem l-2023. Dan il-qafas jenfasizza t-tnaqqis tal-iskart, il-ġestjoni xierqa, is-separazzjoni tal-iskart, l-iżvilupp ta’ swieq sekondarji, u sforzi akbar ta’ riċiklaġġ għall-iskart tal-kostruzzjoni u tat-twaqqigħ.
“Bl-iżvilupp kontinwu tal-infrastruttura tat-trattament u r-riċiklaġġ tal-iskart, u żieda fil-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fir-rimi tal-iskart b’mod xieraq, Malta qegħda tagħmel passi kbar lejn il-ħolqien ta’ ekonomija aktar sostenibbli u ċirkolari,” temm jgħid is-Sur Mercieca.