Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomjia Diġitali, u Innovazzjoni Silvio Schembri ffirma dikjarazzjoni li permezz tagħha l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jridu jaħdmu sabiex jaraw li ċ-ċittadini jkunu fiċ-ċentru tat-trasformazzjoni diġitali, u jistgħu jiġu offruti servizzi pubbliċi li huma ta’ bżonn għaċ-ċittadin.
L-iffirmar seħħ f’Tallinn, il-belt kapitali tal-Estonja, il-pajjiż li bħalissa hu responsabbli mill-Presidenza tal-Unjoni Ewropea. F’iffirmar sitt azzjonijiiet marbuta mal-politika tal-‘e-Government’ ingħataw prijorità. Permezz tad-dikjarazzjoni l-istati membri jridu jaħdmu flimkien biex jassiguraw li s-servizzi diġitali jsiru iktar aċċessibli għaċ-ċittadini Ewropej.
Meta indirizza sessjoni plenarja, is-Segretarju Parlamentari Schembri rrefera għal għadd ta’ inizjattivi li tnehdew b’rabta mal-politika tal-‘e-Government’ u dawk li se jwasslu biex Malta tkun The Blockchain Island. “Il-Gvern Malti qed jimplimenta qafas orizzontali ta’ teknoloġija u ta’ data li jiffaċilitaw il-prinċipji bażiċi bħal ma’ huma l-kunċett ta’ Gvern wieħed, u li l-informazzjoni taċ-ċittadin tingħata lill-Gvern darba biss biex dan iwassal għal esperjenza aħjar meta ċ-ċittadini u n-negozji jużaw is-servizzi pubbliċi,” qal Schembri. Is-Segretarju Parlamentari żied jgħid li dan jikkumplimenta l-prinċipji li fuqhom hija mibnija d-dikjarazzjoni. Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri enfasizza l-bżonn li l-Istati Membri jaħdmu biex isaħħu l-ħiliet diġitali filwaqt li jibnu fiduċja u joffru sigurtà fis-servizzi tal-Gvern.
Id-dikjarazzjoni ffirmata mill-Istati Membri tgħid li ċ-ċittadini u negozji Ewropej għandhom ikollhom interazzjoni diġitali aħjar mal-amministrazzjoni pubblika u li jridu jaħdmu biex tkun assigurata l-kwalità fis-servizz li jingħata liċ-ċittadini permezz tat-teknoloġija. L-Istati Membri għandhom jippreparaw liċ-ċittadini u n-negozji Ewropej għall-interazzjoni diġitali mal-amministrazzjoni pubblika u jaraw li l-informazzjoni tkun sigura. Id-dikjarazzjoni tenfasizza fuq l-importanza ta’ inklussività u aċċessibilità, fl-istess waqt li jkun assigurat livell għoli ta’ sigurtà.