Minn tal-inqas 8 persuni mietu u għexieren oħra ġew midruba wara li l-maltempati kkawżaw trombi tar-riħ u għargħar f’bosta stati fin-nofsinhar tal-Istati Uniti.
Fl-istat ta’ Texas, żewġt itfal ta’ tmien u tliet snin inqatlu meta waqgħet siġra fuq il-karozza li kienu fiha, iżda l-ġenituri li kienu fuq quddiem tal-karozza salvaw. Ġew irrapurati aktar imwiet f’Mississippi u Louisiana. Anzjan ta’ 95 sena minn Mississippi inqatel minn siġra li waqgħet fuq ir-residenza tiegħu, filwaqt li l-għargħar f’Louisiana wassal għall-mewt ta’ tifel ta’ 13-il sena, li nstab mgħerreq f’kanal tad-drenaġġ.
Ħaddiem li kien qed ineħħi s-siġar li waqgħu, minn nofs it-triq, tilef ħajtu wara li ntlaqat minn vettura. B’kawża tal-maltempati inqerdu madwar 60 binja, 55 minnhom djar privati u diversi bini pubbliku ieħor f’Franklin, Texas.
Skont rapporti fil-midja Amerikana, uħud minn dawk li ndarbu damu sigħat jistennew biex ġew salvati minħabba li t-toroq kienu magħluqin minħabba xi fdalijiet li kien hemm kawża tal-maltemp.