F’Kalifornja ġie ddikjarat stat ta’ emerġenza biex tiġi indirizzata l-problema kurrenti fl-elettriku hekk kif ġew irrappurtati temperaturi għoljin meqjusa perikolużi.
Infatti, bħalissa hemm mewġa qawwija ta’ sħana f’Arizona, f’Kalifornja, f’Nevada u f’Utah.
In-nies qed jiġu mwissija joqogħdu f’żoni b’arja kkundizzjonata u biex jevitaw ix-xemx.
It-temperaturi mistennija jilħqu t-tlieta u erbgħin grad celcius sal-Ħadd.
Il-Gvernatur Gavin Newsom qal li l-istat t’emerġenza għandu jnaqqas id-domanda fuq l-infrastruttura tal-enerġija u appella lin-nies biex ma jużawx apparat elettroniku bla bżonn jew jixegħlu d-dawl għalxejn.