Aġenzija Maltija bl-isem ta’ Aurora Design Solutions, li ġiet imwellda sitt snin ilu bħala start-up lokali u li tispeċjalizza fid-disinn tal-websajts, qed tħalli l-marka tagħha fl-industrija, tant li spiċċat ġiet irreklamata wkoll b’mod prominenti fit-torri ta’ Nasdaq f’Times Square, New York.
L-aġenzija, fost ħafna li stabilixxew rwieħhom fl-aħħar snin f’diversi oqsma, anke b’inċentivi offruti mil-Gvern Malti permezz tal-Malta Enterprise, esprimiet is-sodisfazzjoni tagħha u qalet li hi onorata li minn aġenzija żgħira spiċċat esposta fil-qalbha tal-Istati Uniti.
Aurora Design Solutions kienet rebħet l-unur ta’ Startup tas-Sena waqt id-Delta Summit u x-xahar li għadda ntagħżlet speċifikament mill-kumpanija rinomata internazzjonalment fil-qasam tas-servizzi diġitali, Wix, biex iżżur il-kwartieri tagħha f’Iżrael.
Staqsejna lil David Vella, il-fundatur u direttur tal-aġenzija, dwar kif nibtet l-idea u għalxiex iddeċieda li jaħdem f’din l-industrija. Huwa qalilna kif kollox beda minn kors li ma kellux x’jaqsam man-negozju iżda mas-software.
Fil-fatt, hu studja l-Intelliġenza Artifiċjali però ma waqafx hemm u ħa l-pass kuraġġjuż biex kompla l-istudju tiegħu fuq livell ta’ Masters fin-negozju.
Qal, “Meta dħalt l-Università, iddeċidejt li nagħżel kors tal-Intelliġenza Artifiċjali, tgħallimt ħafna u prattikament minn hemmhekk nibtet l-idea li noħloq din l-aġenzija. Waqt li kont qed nistudja full-time kont qed naħdem nagħmel proġetti żgħar ’l hawn u ’l hemm u minn hemm bqajna nikbru fejn irbaħna l-istartup tad-Delta Summut tal-2019, ħadna boost u bqajna nikbru safejn qegħdin illum.”
David kompla jispjega kif bosta klijenti jsibuha aktar faċli li jużaw is-servizzi li toffri Aurora Design Solutions minħabba għadd ta’ inċentivi li toffri l-Malta Enterprise, flimkien mal-Gvern, li investa qatiegħ fl-aħħar snin f’dan il-qasam.
Qal, “Hemm ħafna benefiċċji li l-klijenti tagħna jistgħu jieħdu, fosthom riċentament kien hemm grants tal-50% tal-e-commerce sa €5,000 jiġu koperti mill-fondi tal-Unjoni Ewropea”.
Finalment, David wassal appell għal dawk il-persuni li jixtiequ jibdlu l-ħolma ta’ negozju li għandhom f’realtà. Dan filwaqt li pprovda referenzi ta’ gwida sabiex jassigura li meta wieħed jiftaħ negozju, dan ikun ta’ servizz professjonali bir-reputazzjoni tal-kumpanija tirrifletti dan.
Qal, “Ninkoraġġihom li jagħmlu l-ewwel pass, għax dik hi l-aktar ħaġa diffiċli u importanti mmens il-preżenza onlajn, eżempju il-midja soċjali, u diversi channels oħra biex inti tiġi mgħaruf. Għandek il-marketing, li huwa importanti, kif ukoll tagħti servizz li tkun lest tirċievi int stess.”