Din hija Star, qattusa ċkejkna li għad għandha biss tliet xhur, u li x-xorti ftit li xejn daħkitilha, iżda minkejja dak kollu li għaddiet minnu, għadha titfissed u tħobb lil kull min jersaq lejha speċjalment lil carer tagħha Miriam.
“Mela Star illum il-ġurnata hija qattusa illi tilfet għajnejha, tilfet għajn waħda għaliex Star kienet kitten kienet tgħix barra, qabditha eye infection u kien tard wisq.”
Miriam għandha biss xewqa waħda, li Star ikollha familja li tħobbha u tgħożża kif jixirqilha.
“Lil Star nixtieq insibilha loving home. Nixtieq, bħal Star għandna ħafna bil-problemi. Aħna qegħdin hawnhekk illum ġo din l-attività tellajna stand biex nagħmlu l-adozzjoni, l-appell tiegħi hu li ma nixtrux, naddottaw.”
Star kienet waħda mid-diversi qtates u annimali li kienu preżenti fil-Petting Farm f’Ta’ Qali waqt l-attività mtella’ mill-Animal Welfare fl-okkażjoni tal-ġurnata ddedikata lill-annimali.
“Din l-attività qed tagħti vetrina lil dawk l-annimali msieken li jkunu għandna allura ħa nipprovaw ngħidulhom in-nies flok tixtru, ejjew għandna. Magħna jingħaqdu wkoll l-NGOs li bħalna jaraw ir-realtajiet ta’ dawn l-affarijiet, realtajiet fejn filfatt ħafna nies sfortunatament jixtri l-annimali mbagħad jabbandunawhom u huma jkunu qegħdin jgħinuna.”
Preżenti kien hemm is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri li elenka numru ta’ liġijiet ġodda li qed jiġu implimentati mill-Gvern biex jassigura l-ħarsien tal-annimali b’dinjità.