Fil-ġranet li għaddew l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali nediet għall-konsultazzjoni pubblika sett ġdid ta’ standards dwar il-pjaga soċjali tal-vjolenza dometika.
L-iskop ta’ dawn l-istandards huwa li l-vittmi tal-vjolenza domestika jqumu fuq saqajhom u jagħrfu li huma wkoll jistgħu jilħqu l-milja ta’ ħajjithom.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali, Matthew Vella, sostna li kulħadd jista’ jipparteċipa u jaqsam l-ideat tiegħu f’din il-konsultazzjoni li se tibqa’ miftuħa sat-tlieta ta’ Awwissu li ġej.
Vella stqarr, “Dawn huma standards li qed jitkellmu aktar fuq kollaborazzajoni ma’ stakeholder differenti, qed jitkellmu aktar fuq sinerġija, imma qed nitkellmu aktar li persuni li għaddew minn vjolenza domestika jew li huma għaddejjin. Dawn l-istandards se jkunu verament qed jgħinuhom u mhux se jkunu standards maqtugħin fis-sema, imma standards li qed jgħinuhom b’mod tanġibbli.”
Il-Kap Eżekuttiv spjega li permezz ta’ dawn l-istandards se tkun qed titjieb il-komunikazzjoni bejn dawk kollha involuti fosthom il-pulizija u l-ħaddiema soċjali.
“Dawn l-istandards ser ikunu qed jgħinu, allura jservu ta’ bridge biex kif min qed jipprovdi servizz ta’ ħarsien soċjali mal-pulizija u ma’ entitajiet oħra jkunu qegħdin jitkellmu ma’ xulxin.” Temm jgħid Vella.