Il-liġi li tistabbilixxi standards Ewropej dwar it-tnaqqis fl-emmissjonijiet hija opportunità għal aktar innovazzjoni biex pajjiżna ikun minn ta’ quddiem biex iħaddem trasport nadif. Qalet dan l-Ewroparlamentari Dr Miriam Dalli waqt diskussjoni pubblika li ġiet organizzata flimkien mal-uffiċju tal-ParlamentEwropew f’Malta.
“Issa li għandna qbil fuq standards ewropej, Malta tista’ tkompli tibni fuq dak li sar s’issa biex tkun pijunier fl-innovazzjoni ħalli matul transizzjoni fuq medda ta’ 11-il sena sal-2030 dawn il-miri jintlaħqu b’suċċess. Dan huwa possibli aktar w aktar minħabba d-daqs tal-gżira tagħna li jagħmilha aktar faċli biex ċerti proġetti jirnexxu minn pajjizi akbar,” qalet Dalli.
Dr Dalli semmiet l-inizjattivi eżistenti tal-Gvern biex pajjiżna jgawdi min trasport aktar nadif.
F’Diċembru li għadda, Miriam Dalli mexxiet negozjati mal-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar liġi biex karozzi ġodda jaħdmu b’teknoloġija nadifa u jintlaħqu l-miri stabbiliti fit-tnaqqis tal-emissjonijiet CO2 sal-2030.
Waqt din id diskussjoni Dr Dalli spjegat it-tlett prijoritajiet lifuqhom hija bbażata din il-liġi: arja aktar nadifa għaċ-ċittadini li tissarraf fi kwalità ta’saħħa aħjar, prezzijiet orħos għall-karozzilijaħdmu b’teknoloġija nadifa uli jonqsu l-effetti ħżiena tat-tibdil fil-klima.
Studji juru wkoll li l-konsumatur mistenni li jiffranka sa’ €600 fuq kull karozza b’anqas tniġġis li jixtri fl-2025 u fl-2030 mistenni jiffranka sa’ massimu ta’ €1500 minn fuq kull karozza. Barra minn hekk, Dr Dalli spjegat kif l-istandards ewropej mistennija jwasslu biex produtturi tal-karozzi jibdew jipproduċu aktar karozzi li jaħdmu b’teknoloġija nadifa u dan mistenni li jsarraf f’aktar għażla lill-konsumatur u prezzijiet orħos.
Dr Dalli spjegat li studji juru li din il-liġi mistennija twassal biex jonqsu madwar 170 miljun tomna ta’ emmissjonijiet CO2 bejn l-2020 u l-2030 u żieda ta’ 6.8 biljun ewro fl-2030 fil-prodott gross domestiku ewropew li mistennija joħolqu madwar 70,000 impjieg ġdid.
F’din id-diskussjoni pparteċipaw ukoll Mr Mark Scerri, mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, Dr Caroline Gouder, tabiba speċjalizzata fil-mediċina respiratorja, u Dr Simone Borg, avukat li tispeċjalizza fit-tibdil tal-klima.
Dr Gouder spjegat kif tnaqqis fl-emmissjonijiet minn karozzi ifisser anqas problemi respiratorji bħall-asthma fl-adulti u fit-tfal li kull ma jmur qed narawhom dejjem jiżdiedu.
Mark Scerri spjega kif it-tibdil fil-klima u l-kwalità tal-arja imorru id f’id ma’ xulxin u huwa kruċjali li fit-transizzjoni biex innaqqsu l-emmissjonijiet minn karozzi ġodda nieħdu l-passi meħtieġa biex ma’ niġġenerawx tniġġis minn mezzi oħra.
Dr Simone Borg saħqet li wara li indirizzajna t-tniġġis mill-ġenerazzjoni tal-elettriku imiss issa li niftgħu ħarsitna kif se nnaqqsu t-tniġġis mit-trasport, bil-kumpaniji tal-karozzi jinvestu aktar f’teknoloġija nadifa għax fin-nuqqas ta’ dan iridu jerfgħu r-responsabilità, skont il-principju ‘polluter pays principle’.
Għal din il-laqgħa attendew diversi stakeholders inkluż l-importaturi tal-karozzi u inġiniera, fost l-oħrajn.